Is-sieħba ta’ George Degiorgio ċ-‘Ċiniż’ kitbet lill-President ta’ Malta fejn iċċarat li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali fuq każ kriminali li tinsab akkużata bih.
Anca-Adelina Pop kitbet lill-President George Vella wara li rapporti fil-midja qalu li George Degiorgio, mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop, talab il-proklama għalih u anki għas-sieħba tiegħu.
Permezz tal-Avukat tagħha, Roberto Montalto, is-sieħba taċ-‘Ċiniż’ qalet li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali u m’għandha l-ebda ħsieb li titlob għall-maħfra mill-President tar-Repubblika.
Anca-Adelina Pop mir-Rumanija tinsab akkużata b’ħasil ta’ flus flimkien ma’ George Degiorgio u ħuh Alfred Degiorgio magħruf bħala l-‘Fulu’.
Huma kienu ġew mixlija b’dawn l-akkużi f’Ġunju ta’ tliet snin ilu.
It-tliet persuni ċaħdu l-akkużi u Pop kienet ingħatat il-libertà proviżorja, xahar wara li tressqet il-Qorti.
L-Avukat tas-sieħba ta’ George Degiorgio ġie rappurtat jgħid li l-klijenta tiegħu hija konvinta mill-innoċenza tagħha fil-każ ta’ allegat ħasil ta’ flus u se tkun qed tipprova fil-Qorti li hi mhux ħatja.
L-Avukat ta’ Pop saħaq li dan kollu m’għandu jkollu l-ebda effett fuq it-talba li għamlu l-aħwa Degiorgio biex huma jingħataw l-maħfra.
Fil-jiem li għaddew George u Alfred Degiorgio talbu għall-proklama.
George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż talab il-proklama għal kull reat li seta’ wettaq jew kien involut.
Dwar dan il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia rreaġixxiet u saħqet li hija kontra li dawn il-persuni jingħataw il-maħfra.
Sadanittant ir-rakkomandazzjoni tal-maħfriet Presidenzjali mill-Gvern isiru bi proċedura ċara wara parir mill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Fil-ġimgħat li għaddew ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu jagħti l-maħfra lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Bħalissa ma hemmx talba pendenti minn Fenech għall-proklama.