Is-sieħba ta’ Simon Busuttil talbet lill-Prim Ministru biex jagħlaq darba għal dejjem l-istazzjonijiet politiċi.
Fuq is-Sunday Times, Kristina Chetcuti kitbet fuq dan u attakkat l-istazzjonijiet ONE u NET.
Chetcuti, li fl-artiklu implikat li n-nies li ma jaqrawx jisimgħu l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni lokali, anki insultat lill-Prim Ministru Robert Abela.
Fiċ-ċrieki tal-Partit Nazzjonalista hemm ukoll diverġenzi fuq il-kwistjonijiet tal-istazzjonijiet politiċi, inkluż fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Sa ftit tax-xhur ilu, fuq is-sit Lovin Malta, l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet rappurtata tgħid li l-istazzjonijiet politiċi ma kellhomx ikunu hemm għal dejjem u nistgħu naraw fażi fejn dawn jispiċċaw bħala parti minn riforma.
Dan apparti li dan ix-xahar stess, Bernard Grech kellu jċedi għax-xewqa tal-istrateġist li mpjega miegħu biex jibqa’ għaddej b’kawża kontra l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, fost oħrajn.
Peregin ħa dak li ried biex ikompli l-kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi.
Fil-fatt dak li jrid jiddeċiedi xi jsir fid-Dar Ċentrali u fuq il-midja tal-partit insista li l-kawża ma jċedihiex u Bernard Grech baxxa rasu u qallu li seta’ jagħmel kif jixtieq.
F’artiklu fuq il-Maltatoday, Peregin innifsu qal li Grech kien sfurzat iħallih ikompli b’din il-kawża li effetivament tista’ twassal sabiex il-ħaddiema tal-midja Nazzjonalista stess jitilfu l-impjieg tagħhom.
L-impjieg ta’ Peregin fid-Dar Ċentrali kien qajjem rebus sħiħ fost il-ħaddiema tan-NET.
Dan qam inkluż minn dawk li meta nfetħet il-kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi ħarġu kontra tiegħu qatta’ bla ħabel.
Issa r-rabja qed tilħaq livelli ġodda hekk kif dak li ġie warajhom u jitħallas ferm iktar minnhom għadu għaddej b’każ li jemmnu li jista’ jtelfilhom ħobżhom.
Fuq kollox minbarra s-salarju tajjeb li tah Bernard Grech, Peregin għadu bl-ishma fil-LovinMalta, anke jekk xhur ilu qal li se jneħħihom.