F’laqgħa fil-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo flimkien mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering iddiskutew aspetti tal-qasam turistiku li jikkonċerna l-istabbilimenti tal-Catering.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Reuben Buttigieg stqarr li x-xhur ta’ bejn Jannar u Marzu dejjem ikunu iebsin għas-settur turistiku.
Spjega kif l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, bħall-għoti tal-Covid Wage Supplement u l-vouchers se jkunu importanti biex l-attività ekonomika tibqa’ għaddejja f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
“Ovvjament dan il-Milied nafu kif ħa jkun mhux Milied bħal tas-soltu u allura l-għajnuna tal-Gvern u għalissa ħa terġa’ tkun fundamentali biex nwasslu n-negozju sa Marzu u April u imbagħad nibdew nippreparaw biex flimkien mal-Gvern nerggħu nqajmu s-settur tat-turiżmu ġewwa pajjiżna li r-ristoranti huma parti kruċjali fil-prodott li joffri l-pajjiż Malti”
Hu żied jgħid li l-gvern għaraf li s-settur tal-Catering għandu problema u għalhekk l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering huma grati ta’ dan ir-rikonoxximent.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-Istabbilimenti tal-catering huma l-bażi fundamentali fejn tidħol l-ospitalità f’pajjiżna.
Hu żied jgħid li minkejja l-isfidi li jsib is-settur tat-turiżmu, l-istabbilmenti jridu jiġu ssalvagwardjati.
Dan sabiex mhux biss togħla l-kwantita iżda wkoll l-kwalità u l-livell tal-prodott turistiku Malti.
“U għaldaqstant l-Gvern kien diġà offra l-għajnuna permezz tal-wage supplement u l-vouchers li huma vouchers li ħa jkunu qegħdin jerġgħu jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin bħal ma ħabbarna fil-budget u aktar minn hekk l-wage supplement illi l-Gvern qiegħed jikkommetti ruħu li jkomplu għaddej għall-inqas sa Marzu tas-sena d-dieħla. B’dan il-mod l-Gvern qiegħed jara li nkomplu nsalvaw l-impjiegi filwaqt illi ngħinu kemm nistgħu lil din is-settur hekk importanti għal pajjiżna.”
Il-Ministru Bartolo stqarr wkoll li l-Gvern jifhem l-isfidi li qed jaffaċjaw is-sidien tal-istabbilimenti u flimkien irridu jħarsu ‘l quddiem sabiex nibqgħu mexjin ‘l quddiem, anki wara l-pandemija.