Ir-raġel wara s-sit satirika ‘Bis-Serjetà’, Matt Bonanno se jkun qed jitressaq il-Qorti, wara li l-grupp evanġelist, River of Love irrappurtat kummenti tiegħu fuq Facebook marbutin mal-istess grupp.
Dan hekk kif fuq Facebook, Bonanno qal li r-River of Love għandhom jiġu trattati bħall-ISIS, u f’kumment fuq l-istess post, qal li għandhom iwaqqgħu il-bombi mill-ajruplani għal fuq ir-River of Love.
Il-post tmur lura għal Jannar tas-sena l-oħra.
Din mhix l-ewwel darba li l-pastor tar-River of Love Gordon-John Manchè, oġġezzjona li jissemma’ l-grupp evanġelist f’dawl ikrah.
Is-sena l-oħra, huwa ħa azzjoni legali kontra t-Times of Malta sabiex jitneħħew ċerti artikli dwar ir-rabtiet ta’ Abner Aquilina, is-suspettat ewlieni wara l-qtil ta’ Paulina Dembska, mar-River of Love.
Bonanno, issa qed jappella mal-pubbliku sabiex jiġbor il-flus biex ikun jista’ jiġġieled din il-kawża.
Huwa appella sabiex in-nies jgħinuh jiġġieled kontra l-estremiżmu reliġjuż, u favur id-dritt tal-espressjoni.