Is-Sibt li ġej, 5,306 persuni jew il-werrieta tagħhom, li fil-passat sofrew inġustizzji jew anomalija fl-impjieg tagħhom, se jirċievu bejniethom pagamenti ta’ €10.2m.
Dan ifisser li, bil-ħlasijiet li se jingħataw din is-sena, in-nefqa fuq skemi biex jiġu indirizzati anomaliji tal-imgħoddi mill-2017 ’l hawn telgħet għal €76.5 miljun.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet limatulha spjega li, għas-sitt darba konsekuttiva, il-gvern Laburista se jkun qed iżomm kelmtu ma’ eluf ta’ nies.
“Hija kelma li tajna, hija kelma li qed inżommu, u żgur se nassiguraw li nkomplu biex nagħlqu l-iskemi kollha. Se jkollna tlieta magħluqin u se jkun fadal tnejn miftuħin u, nista’ ngħid, bis-somma li se titħallas is-Sibt il-Gvern se jkun ħallas €76.5 miljun.”
L-ewwel skema hija miftuħa għal dawk li kienu fil-korpi tax-xogħol jew kienu msieħba fi programmi ta’ apprentistat jew ta’ taħriġ qabel l-1979 u wara daħlu jaħdmu f’dipartimenti tal-Gvern.
Din hija s-sitt sena li tħaddmet din l-iskema.
Minnha, din is-sena qed jibbenefikaw 3,028 persuna jew l-eredi tagħhom. Il-ħlas li jirċievu huwa marbut maż-żmien li damu jaħdmu fis-servizz pubbliku mill-ħatra uffiċjali tagħhom wara Jannar 1979 u sad-data tal-irtirar mix-xogħol.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-pagamenti din id-darba se jlaħħqu madwar €6.6m, biex b’kollox f’dawn is-sitt snin il-benefiċjarji jkunu tħallsu €35.7 miljun bejniethom.
Skema oħra hija dik li tnediet fl-2019, għal dawk il-persuni li wkoll kienu fil-korpi qabel l-1979 u wara ġew impjegati fis-settur pubbliku. Din tapplika wkoll għall-eks ħaddiema tal-Gas Board li kienu ġew trasferiti mal-Korporazzjoni Enemalta meta din twaqqfet.
L-għotjiet huma marbuta mas-snin ta’ impjieg fis-settur pubbliku minn Jannar 1979 sad-data tal-irtirar mix-xogħol. Tħabbar li l-1,616 benefiċċjarju taħt din l-iskema b’kollox se jirċievu pagamenti li jlaħħqu €887,000. B’dawn il-ħlasijiet, fuq medda ta’ 4 snin, il-benefiċjarji tal-iskema jkunu tħallsu aktar minn €3.5 miljun.
It-tielet skema hija għall-eks ħaddiema tax-xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April tal-1973 u l-ewwel ta’ Gunju tal-2007. Minnha se jibbenefikaw 662 persuna jew l-eredi tagħhom u se jirċievu ħlasijiet li jlaħħqu madwar €2.7 miljun.
Dawn il-pagamenti jiġbu fit-tmiem din l-iskema li kienet tfasslet mill-Gvern fl-2017 wara ftehim milħuq mal-General Workers’ Union. B’kollox, f’sitt snin tħallsu aktar minn €18.5 miljun.
L-ispiża totali tinkludi l-ħlasijiet li saru lill-pulizija bejn l-2017 u l-2020 biex ipattu għal sahra li ma tħallsux tagħha fl-imgħoddi u l-arretrati li tħallsu lill-eks impjegati tal-Malta Electricity Board meta ngħataw id-dritt ex gratia għal pensjoni tat-Teżor.
Il-Ministru Michael Falzon qal ukoll li, matul is-sena d-dieħla, il-Gvern se jissokta bit-twettiq taż-żewġ skemi, kif imwiegħed fil-manifest elettorali, u se jittieħdu l-ewwel passi biex jiġu indirizzati l-anomaliji oħra pendenti.
Fil-fatt, qed jiġu allokati €2 miljun oħra biex gradwalment is-sena d-dieħla jibda jitwettaq dak imwiegħed.