Is-Sibt 17 ta’ Awwissu jitla’ s-siparju fuq iċ-Ċittadella Arts Festival f’Għawdex. Dan il-festival, li se jiġi fi tmiemu fit-13 ta’ Settembru qed jiġi organizzat minn DCapitals Big Band bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, tal-Malta Arts Council (Gozo Cultural Support Programme), tal-Malta Tourism Authority kif ukoll ta’ Heritage Malta.
Il-festival ta’ arti se jiftaħ b’kunċert spettakolari bl-isem ‘Beat It: A Big Band Show’ minn DCapitals Big Band u big band mir-Repubblika Ċeka bl-isem ta’ Big ‘O’ Band li se jkunu l-mistiedna speċjali.
“Festivals ta’ dan il-kalibru jkomplu jpoġġu lill-gżira Għawdxija fuq il-mappa internazzjonali tal-avvenimenti kuturali, liema avvenimenti qed ikompli jgħollu l-profil ta’ Għawdex ma’ kull min iżur il-gżira” qalet il-Ministru Justyne Caruana.
Il-Ministru Caruana fakkret li matul il-fiera rinomata tat-turiżmu ITB f’Berlin, il-gżira Għawdxija rebħet it-titlu ta’ ‘Best of Communities & Culture’ u din hi konferma li l-investiment li qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex jassigura li l-wirt kuturali, kemm dak tanġibbli u intanġibbli, jibqa’ jissaħħaħ. Għalhekk il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jinvesti fl-attivitajiet kulturali li jsiru kull ġimgħa tant li wara s-suċċess tal-Gozo Cultural Support Scheme li jsir bi sħubija bejn il-Ministeru għal Għawdex u Arts Council Malta, ġie deċiż li t-tieni edizzjoni tingħata iktar fondi u tiġi estiża għal iktar attivitajiet u fost il-benefiċjarji ġodda hemm DCapitals Band li preżentaw il-programm Ċittadella Arts Festival.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi żied li t-turiżmu f’Għawdex hu inkoraġġanti u se nibqgħu naħdmu biex iktar Għawdxin jiftħu n-negozji tagħhom u jkollhom intrapriżi f’Għawdex, inklużi entrapriżi relatati ma’ avvenimenti u ma’ attivitajiet varji u importanti ħafna għal Għawdex li joffri prodott differenti minn dak ta’ Malta. Qal li jinsab sodisfatt li din il-ġimgħa se nassistu għal attività sabiħa ma’ DBand Capital f’Għawdex fejn se jkun hemm mal-40 mużiċist mir-Repubblika Ċeka li ġejjin Malta biex jipparteċipaw f’kunċert mużikali flimkien ma’ kantanti u ma’ mużiċisti Għawdxin mill-aqwa. Żied jgħid li dan hu parti mill-avvenimenti f’Għawdex bil-għan li jkun hemm kemm jista’ jkun attivitajiet differenti x’wieħed jattendi għalihom. Il-Ministru ħeġġeġ lit-turisti, lill-Maltin u anke lill-Għawdxin biex imorru għal dan il-kunċert fejn se jkollhom iċ-ċans jassistu għal show mill-aqwa bil-kastell taċ-Ċittadella fl-isfond.
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Dr Anton Refalo kkwota statistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea fejn qal li l-maġġoranza tat-turisti jagħżlu fejn imorru btala skont il-wirt kuturali li joffri l-pajjiż. Dr Refalo qal li festival bħalma qed jiġi organizzat minn DCapitals bil-kontribut li qed tagħti Heritage Malta kemm fuq livell lokali u dak nazzjonali, żgur qed tqarreb il-patrimonju kulturali aktar qrib iċ-ċittadin. Fakkar li saru l-arranġamenti meħtieġa biex il-mużewijiet li jinsabu fiċ-Ċittadella jkunu miftuħa b’xejn għall-pubbliku bejn is-7 u t-8 ta’ Settembru.
Id-Direttur Mużikali ta’ DCapitals Band, is-Surmast George Apap qal li dan il-festival hu l-akbar proġett li daħlet għalih DCapitals fil-ħames snin li ilha mwaqqfa.
“Din is-sena minn kunċert wieħed qed nespandu għal festival mifrux fuq aktar ġimgħat b’attivitajiet kulturali varji li jkomplu jiġbdu lejn gżiritna u b’mod partikolari lejn iċ-Ċittadella għadd kbir ta’ viżitaturi u ammiraturi” spjega d-direttur artistiku tal-festival u direttur mużikali ta’ DCapitals Big Band.
Il-programm ta’ attivitajiet f’dan il-festival ta’ arti jvarjaw minn kunċerti mużikali, attivitajiet edukattivi, teatru, wirja ta’ arti, taħditiet u attivitajiet oħra kulturali. Minbarra l-kunċert fil-foss taċ-Ċittadella l-attivitajiet oħra jinkludu: masterclasses minn tuturi internazzjonali għal studenti li jdoqqu trumpets, trombones u saxophones; wirja ta’ arti mill-artist Kevin Sciberras; play bl-Ingliż bl-isem ‘The Bench’ miktuba minn Angelo Camilleri; kunċert għad-debuttanti; attività mużikali edukattiva għal tfal bejn ħames u għaxar snin; taħdita dwar il-Katidral ta’ Għawdex u l-arti u t-teżori tiegħu minn Kenneth Cauchi u mixja maċ-Ċittadella flimkien mal-espert storiku Dr Joseph Bezzina.