Il-Gvern se jkun qed jisma’ l-ħsibijiet tan-nies qabel jitnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar riforma tant meħtieġa fil-Qorti tal-Familja, hekk kif se ssir l-ewwel laqgħa għal dan il-għan fejn mistennija jiġu diskussi temi bħal proċeduri aħjar ġudizzjarja, l-aċċess u l-manteniment tat-tfal, il-kura u l-kustodja tagħhom, il-co-parenting u parental alienation, fost ħafna oħrajn.
Kulħadd hu mistieden f’din l-ewwel laqgħa pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja s-Sibt li ġej, fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela.
Din se tibda fl-10:00 ta’ filgħodu fl-Università l-Antika l-Belt Valletta u qed tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Dwar dan tkellimna mal-Ministru Michael Falzon, li tenna dwar l-importanza ta’ dan l-appuntament.
Qal, “Il-familja tibqa’ l-pern ta’ kull soċjetà, imma r-realtajiet jitbiddlu. Aħna b’din il-laqgħa se nkunu bdejna t-triq biex nagħmlu r-riforma f’dik li hi l-Qorti tal-Familja u nkunu hemmhekk ukoll għal diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu meta l-familja jkollha ċerti diffikultajiet. L-impenn tal-Gvern hu wieħed ċar u b’saħħtu li fejn nistgħu ntejbu u nkunu verament man-nies, hekk se nagħmlu.”
Dawk kollha li jixtiequ jattendu u jipparteċipaw fid-diskussjoni għandhom iċemplu fuq freephone 8000 2056 biex jirriservaw post, minħabba l-ispazju limitat u wieħed jeħtieġ jirreġistra qabel jattendi.