Nhar is-Sibt li gej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi sa torganizza id-disa’ u l-aħħar attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018 li fiha jieħdu sehem il-Muturi Motocross biss. Il-programm jibda fl-16:00 fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK.
Il-Kampjonat fi Klassi A huwa deċiż. Għall-ewwel darba Kyle Camilleri fuq mutur KTM għandu biżżejjed punti biex biex jiġi nkurunat ċampjin. Kyle rebaħ 6 tiġrijiet minn tmienja li diġà saru u bħalissa għandu total ta’ 368 punt segwit min ħuh Clayton Camilleri fuq mutur KTM b’272 punt. Filwaqt, fit-tielet post insibu lil Mark Mamo fuq mutur Yamaha b’242 punt.
Fil-Motocross Klassi B Bernard Sammut fuq mutur Beta qed jillidja b’277 punt u segwit minn Michael Sant fuq mutur Husqvarna b’229 punt. Fit-tielet post James Zahra fuq mutur Sherco għandhu 200 punt.
Fil-Klassi tal-Veterani (il-fuq minn 40 sena) Paul Deguara fuq mutur KTM issiġilla t-titlu ta’ din il-klassi b’378 punt u segwit minn Jethro Sant fuq mutur Yamaha b’291 punt. Fit-tielet post hemm Andrew Cassar fuq KTM b’224 punt. Minn dan il-Kampjonat Motocross fadal biss tiġrija waħda.
Intant nhar is-Sibt li għadda l-Assoċjazzjoni organizzat l-ewwel attività bil-lejl għal dan l-istaġun bil-karozzi Autocross ħadu sehem fl-għaxar attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. B’kollox ħadu sehem 16-il kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet, dik tal-Modified u l-oħra Standard.
Mill-Klassi A Modified rajna lill Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova jiddomina u jirbaħ din il-klassi segwit minn Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo.
Mill-Klassi B Modified rajna lil Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta jirbaħ din il-klassi segwit minn Melo Zammit fuq Opel Corsa.
Mill-Klassi Standard Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 rebaħ din il-klassi segwit minn Guzi Pace fuq Ford Fiesta.