“Fadal biss erbat ijiem biex il-poplu Malti jibgħat messaġġ ċar li jrid li l-bidla tkompli permezz ta’ dan il-Gvern u ta’ dan il-moviment.”
F’Ħal Qormi l-Prim Ministru ddeskriva l-jum tas-Sibt bħala jum ieħor fejn il-poplu għandu jiddetermina d-destin. Fil-fatt qal li dan hu vot li se jkun qed jiddeċiedi d-destin ta’ dan il-pajjiż. “Jekk inkomplux mexjin ‘il quddiem jew jekk nieqfux nofs triq,” qal il-Prim Ministru meta ddeskriva l-għażla tal-poplu.
Fid-diskors tiegħu quddiem folla mill-isbaħ il-Prim Ministru qal li jinsab konvint li l-Partit Laburista għandu l-aqwa pjan bl-aktar prinċipji ċari. Dan filwaqt li ħaddieħor għandu biss kollezzjoni ta’ wegħdiet li ma jgħamlux sens. Sostna kif Gvern Laburista għandu pjan ċar u konkret li jfisser aktar ġid u li jġib aktar investiment u aktar xogħol.
Lir-resident ta’ Ħal Qormi, il-Prim Ministru qalilhom “aħna nagħtu t-tama u nuru bil-konkret li l-ġid se jkompli jasal f’pajjiżna.”
Sostna kif l-Oppożizzjoni ilha ġimgħa sħiħa xxewwex li l-oqsma finanzjarji u dawk fis-settur tal-gaming jistgħu jkunu fi problema. Qal li dawn huma l-istess nies li erba’ snin ilu sostnew li “Labour won’t work”. Il-Prim Minsitru qal li “mhux talli ma kellhomx raġun iżda talli llum l-ġurnata qatt ma kien hawn xogħol daqs kemm hawn fil-pajjiż.”
Fakkar kif kien Gvern Laburista li wara 28 sena żied il-paga minima u għamel surplus ta’ €100 miljun. Semma kif saħansitra fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-pajjiż diġà ġab €21 miljun f’surplus.
Spjega li min jaħseb li l-investiment se jkun qed jieqaf wara dawn l-erba’ snin, sejjer żbaljat. Dan hekk kif Gvern Laburista se jkompli jħabbar dejjem iktar investimenti.
Filwaqt li ħaddieħor ħsiebu biex dejjem jitkellem kontra l-pajjiż, Joseph Muscat sostna li ħsiebu hu li jġib ix-xogħol f’dan il-pajjiż.
“Aħna l-prinċipju tagħna hu Malta l-ewwel u qabel kollox u l-għaqda bejn kull wieħed u waħda minna, minkejja d-differenzi,” qal dan il-Prim Ministru.
“Id-dover tagħna hu li nhar is-Sibt li ġej, niltaqgħu mill-ġdid mad-destin ta’ dan il-pajjiż. Destin li l-poplu qatt ma falla l-appuntament tiegħu. Destin li qed isejħilna mill-ġdid biex nagħmlu għażla. Dan hu moviment li qed jiggarantixxi t-triq ‘il quddiem.”