Nhar is-Sibt li ġej, 92,364 familja, jew 194,000 persuna, se jkunu qed jirċievu bejniethom erbatax-il miljun u seba’ mitt elf ewro fl-ewwel pagament minn tnejn tal-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja.
Dan l-ewwel pagament, li jkopri mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, hu miżura ewlenija fil-Baġit għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Malta Ġusta’. It-tieni pagament, li se jitħallas f’Mejju li ġej, ikopri mbagħad it-tieni nofs tas-sena d-dieħla.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn saħaq kif Gvern Laburista bil-fatti qed jibqa’ juri li hu man-nies u bil-fatti mhu jħalli l-ebda piżijiet li ġabet magħha x-xena internazzjonali jaqgħu fuq il-Maltin u Għawdxin.
Ma’ ONE NEWS, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru responsabbli, Mark Musù, spjega li dan il-benefiċċju se jkun ta’ bejn €100 u €1,500 fis-sena, liema rati jvarjaw skont id-dħul u l-membri fil-familja.
“Bħala dħul qed nitkellmu fuq persuni single li ma jkollhomx dħul li jaqbeż it-€18,155, ovvjament id-dħul imbagħad skont kemm hemm membri tal-familja li jista’ jitla’ sa massimu ta’ €50,000. Jiġifieri familji li jkollhom iżjed minn tliet persuni u aktar minn erba’ persuni, li d-dħul tagħhom ma jkunx jaqbeż il-€50,000. Qed nitkellmu fuq dħul disponibbli, jiġifieri wara li tkun tnaqqset it-taxxa u għal min ikun jaħdem il-kontribuzzjonijiet soċjali wkoll.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù
Ta’ min isemmi kif mhux biss familji f’riskju ta’ faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu ġdid, iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà, wara li l-Gvern estenda din l-għajnuna għal ferm aktar familji.
Skont l-aħħar ċifri tal-NSO dwar id-dħul tal-familji, madwar 44,000 familja jitqiesu li huma f’riskju ta’ faqar. Magħhom hemm aktar minn 50,000 familja li mhumiex f’riskju ta’ faqar u li xorta qed jibbenefikaw.
Mark Musù, spjega wkoll kif għad baqa’ 3,000 każ ieħor pendenti li ma setgħux jinħadmu minħabba li l-informazzjoni dwar id-dħul tagħhom għadha mhux kompluta. Meta din l-informazzjoni tkun magħrufa, ikunu jistgħu jsiru pagamenti lil min minn dawn ikun eliġibbli fil-ġimgħat li ġejjin. Hemm xi każi oħrajn li minħabba li ma jirċievu ebda benefiċċju soċjali, għad trid tinġabar l-informazzjoni dwarhom. Uħud minn dawn jistgħu jkunu eliġibbli wkoll.
B’hekk l-istima wara dan hi li se jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu madwar ħamsa u disgħin elf familja bin-nefqa totali għall-2024 taqbeż it-30 miljun ewro.
Il-Ministru Falzon innota kif din id-darba l-benefiċċjarji rdoppjaw.
“Qed naraw hawnhekk ukoll il-fatt li rdoppjaw dawk in-nies li se jibbenefikaw minn dan u hemmhekk qed immorru biex naraw li aħna qegħdin hemm għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli, imma wkoll qed ngħinu l-faxxa tan-nofs tas-soċjetà tagħna.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon
Minn dawk li se jirċievu l-pagament dovut fi tmiem din il-ġimgħa, kważi sebgħa u tletin elf u seba’ mija huma persuni single, madwar sbatax-il elf u tmien mija huma koppji u sitta u tletin elf u seba’ mija huma familji bit-tfal.
Dwar din l-aħbar irreaġixxa wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, fejn saħaq kif dan il-Gvern ta kelma li se jibqa’ mal-familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin u hekk se jibqa’ jagħmel.