Il-kawża tal-qtugħ ta’ dawl li kien hemm matul dawn l-aħħar jiem kien ikkaġunat mit-temperaturi għoljin li qed jolqtu d-dinja kollha, inkluż pajjiżna.
Dan ħareġ f’aġġornament dwar il-kwistjoni tal-qtugħ tad-dawl, li ġiet indirizzata mil-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, mill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona, u ċ-Chairperson, Ryan Fava.
Ġew diskussi d-diversi problemi li nstabu wara l-ħsarat kbar li kellhom il-cabes taħt l-art fiż-żoni milqutin.
Jirriżulta li dawn qed ikunu affettwati partikolarment mis-sħana u t-temperaturi qawwija li qed jaħkmu l-pajjiż, bħall-bqija tad-dinja.
Hawn ġie spjegat li meta jinqalgħu dawn it-tip ta’ ħsarat, hemm proċeduri speċjalizzati li, permezz tagħhom, isibu eżatt il-post ta’ fejn jinsabu, isir it-tħaffir neċessarju, biex imbagħad it-tekniċi, iġinieri u ħaddiema li jirranġaw il-ħsarat fuq il-cables biex b’hekk tirritorna l-provvista ta’ dawl lill-konsumaturi.
Il-Kap Eżekuttiv spjega li dan il-proċess jieħu massimu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa u fil-maġġoranza tal-ħsarat, in-nies kellhom id-dawl lura fi ftit minuti.
Hu żied jgħid li l-ħsarat fil-provvista tal-elettriku assolutament m’għandhiex x’taqsam mal-għajdut li s-sistema mhux qed tlaħħaq. Hawn Cardona spjega li llum l-Enemalta nnotat rekord fil-konsum li laħħaq is-604 Megawott. Numru li l-kumpanija Enemalta tiflaħ għalih, grazzi għal investiment b’saħħtu li qed isir fid-distribuzzjoni tad-dawl fejn għandha kapaċità li tipproduċi sa 830 Megawott.
Il-Kap Eżekuttiv spjega li meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, il-kumpanija Enemalta rċeviet inqas ilmenti.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson Ryan Fava spjega li l-Enemalta għandha proċedura ta’ kif persuni għandhom jitolbu kumpens għall-ħsarat li qed jiffaċċjaw.
Hawn jiskattaw proċeduri fejn l-Enemalta tinvestiga l-fatti kollha tal-każ u jekk il-kumpanija tikkonferma li hi responsabbli għad-danni li saru, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, toffri kumpens xieraq.
Huwa żied jgħid ukoll li l-Enemalta qed iżomm il-konsumaturi infurmati dwar il-ħsarat fid-distribuzzjoni ta’ dawl permezz tas-sistema tal-SMS, u appella lill-konsumati biex jabbonaw fis-servizz.
Ryan Fava qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm żieda wkoll fil-call center biex il-konsumaturi li jċemplu lill-kumpanija Enemalta jkunu jistgħu jinqdew fl-inqas ħin possibli.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li bħalissa l-kumpanija Enemalta qed tara l-ikbar investiment fejn tidħol id-distribuzzjoni. Hi spjegat li l-kumpanija nediet programm ta’ ħidma biex fuq medda ta’ 6 snin tnaqqas ir-riskji ta’ qtugħ ta’ dawl mhux maħsub u d-dewmien tiegħu. Dan il-programm qed jinvesti €90 miljun.
Hawn ġie spjegat li li għaddej l-investiment kontinwu ta’ €15-il miljun fis-sena biex jiġu minimizzati l-ħsarat, inbidlu 120 kilometru ta’ cable, saru 41 upgrade ta’ trasformer, u hemm ħafna aktar proġetti għaddejjin.
Il-Ministru Dalli kkonkludiet billi elenkat l-investiment li qed tagħmel il-kumpanija fejn spjegat li diġaà daħlet fi stadju ta’ appell quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar, filwaqt li fiż-Żurrieq qed isir xogħol ta’ rinfurzaw fis-sistema.