Is-sħab soċjali laqgħu tajjeb il-fatt li l-Gvern ħabbar li l-iskema tal-Covid Wage Supplement se tiġi estiża sa tmiem ix-xahar id-dieħel. Laqgħu tajjeb ukoll it-tneħħija tal-miżuri restrittivi b’rabta mal-pandemija.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo, li qalet li dan seta’ jsir għax pajjiżna għadda mill-pandemija u issa n-negozji jistgħu jfendu.
Qalet, “Issa n-negozji qed inħalluhom fil-kumdità tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu n-negozju, u naf biċ-ċert li l-Gvern serraħ moħħu li n-negozji jistgħu jgħaddu issa mingħajr il-wage supplement u jkunu jistgħu they stand, biex ngħidu hekk, on their own two feet.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, qal li l-iskema tal-Covid Wage Supplement hija l-akbar investiment li qatt sar f’pajjiżna fil-ħaddiema.
Qal, “Dejjem għedt li dawn kienu l-akbar investiment li qatt sar f’Malta fil-ħaddiema. Il-ħaddiem ikkontribwixxa, għax kien hemm minnhom li naqqsu l-pagi tagħhom, però finalment l-għan ewlieni kien li nsalvaw l-impjiegi, xi ħaġa li l-Gvern għenna f’kull mument minn mindu bdiet il-pandemija.”
L-estensjoni tal-iskema tal-Covid Wage Supplement tmur id f’id mar-rilaxx tal-miżuri mħabbrin mill-awtorijiet tas-Saħħa. Għall-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet li jgħallmu l-Ingliż f’Malta, il-FELTOM, dan l-iżvilupp huwa xi ħaġa pożittiva li se jippermettu lill-iskejjel tal-Ingliż jerġgħu jgħallmu b’mod normali.
Qalet, “Mod veru importanti għalina għaliex issa, kif nhar it-Tnejn, kif tħabbar, se jitneħħew il-miżuri kollha. Allura, issa qed nerġgħu naraw ċerti bookings deħlin u din tkun tista’ tgħinna għas-sajf li ġej, biex aħna nkunu nistgħu noffru servizz eċċellenti li aħna dejjem noffru matul is-snin.”
Tkellimna wkoll ma’ Kevin De Cesare mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, li semma kif anki settur bħat-turiżmu, li qala’ daqqa minħabba l-pandemija, qed jirkupra sew.
Qal, “Naħseb jiena li l-fatt li sa Mejju, sa xahar ieħor, ir-restrizzjonijiet bdew jinbidlu u se jibdew jitbiddlu u qed jitneħħew, ħa jiġi tajjeb ħafna għall-industrija.”