Permezz ta’ stqarrija s-Sezzjoni Kunsilliera Partit Laburista qalet li qed tilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-‘warning ticket’ li daħlet fis-seħħ ftit tal-jiem ilu. Proposta li l-membri tagħha kienu ressqu ‘l quddiem diversi xhur ilu.
Dan għaliex is-Sezzjoni Kunsilliera PL temmen li r-rwol tal-gwardjan m’għandux ikun biss li jħarrek fuq l-inqas kontravenzjoni iżda għandu jkun hemm biex jipprevjeni milli jsir in-nuqqas. Temmen ukoll li minnha nnfisha, din is-sistema se twassal sabiex tiddaħħal iktar dixxiplina fis-sewqan għaliex meta individwu tkellmu bil-kelma t-tajba, il-messaġġ jasal ħafna iktar milli tuża’ s-sistema bħala magna li tagħmel il-flus, xi ħaġa li tnissel rabja fiċ-ċittadin.
Is-Sezzjoni Kunsilliera fakkret li nuqqasijiet gravi bħal nuqqas ta’ użu ta’ ċintorin tas-sigurtà, sewqan eċċessiv, nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dwal tat-traffiku u traskuraġni oħra gravi, se jkunu qed jibqgħu jiġu mħarka bħal qabel. Dan għaliex is-sistema trid tibqa’ waħda li żżomm id-dixxiplina u tħares is-sigurità, filwaqt li toħloq bilanċ fit-tħaddim tagħha.
Is-Sezzjoni Kunsilliera għalqet l-istqarrija tagħha billi appellat lill-pubbliku b’mod inġenerali sabiex jieħu din l-opportunità u jikkopera mal-Gwardjani Lokali u viċi versa sabiex ikollna iktar sigurtà fit-toroq tagħna u jirrenja iktar is-sens komun. Xi ħaġa li spiss kien ikun hemm kritika dwar in-nuqqas tiegħu miċ-ċittadin.