Fl-aħħar ġimgħat smajna b’bosta inċidenti tat-traffiku, fil-maġġoranza tagħhom jinvolvu sewwieqa ta’ muturi. Fuq fomm kulħadd, hija r-raġuni li qed twassal għal numru sinifikanti ta’ inċidenti fit-toroq tagħna, li kawża tagħhom numru ta’ sewwieqa tilfu ħajjithom.
Dwar dan one.com.mt tkellem mal-espert fit-traffiku, Pierre Vella, mill-Kunsill għas-sigurta’ fuq it toroq, li fi kliemu stqarr li waħda mir-raġunijiet ewlenija wara dawn l-inċidenti huwa l-fatt li s- sewwieqa m’għadx għandhom paċenzja u prudenza fit-toroq tagħna. “It-traffiku hu realtá li sar parti mill-ħajja tagħna u rridu naddattaw għaċ-ċirkostanzi. Fattur li ma nsibuhx biss f’Malta iżda madwar id-dinja kollha.” Huwa spjega li fattur ieħor li qed iwassal għal dawn l-inċidenti huwa ċ-ċokon ta’ pajjiżna, li minkejja n-numru kbir ta’ karozzi, pajjiżna huwa limitat f’dak li huwa spazju biex jiġu żvilluppati aktar toroq.
Dwar ir-realtá li fl-aħħar ġimgħat rajna numru ta’ inċidenti stradali li jinvolvu sewwieqa tal-muturi, Vella fisser li wieħed irid iżomm f’moħħu li s-sewwieqa jridu juru rispett lill-sewwieqa ta’ muturi li fi kliemu għandhom anqas protezzjoni minn sewwieq ta’ karozza, huwa appella biex inkunu aktar attenti għal xulxin speċjalment meta nkunu fit-traffiku. “Anke meta sewwieq ikun qed isuq fi triq vojta, ma jfissirx li dan għandu dritt li jsuq f’veloċita għolja.”
Pierre Vella, fisser kif waħda mill-problemi ewlenin li hawn f’Malta huwa l-fatt li m’hawnx faċilitajiet adegwati fejn wieħed jista’ jitgħallem isuq f’kundizzjonijiet diffiċli, eżempju meta t-toroq tagħna jkunu jiżolqu fil-maltemp. “Barra minn Malta dan it-taħriġ huwa obbligatorju, nemmen li dawn il-faċilitajiet jistgħu isiru faċilment f’pajjiżna u żgur jistgħu jgħinu biex il-livell tas-sewqan jitjieb.” Huwa temm jgħid li sakemm ikollna dawn il-faċilitajiet jeħtieġ li s-sewwieqa jsuqu b’ħafna prudenza, edukazzjoni u primarjament, rispett lejn xulxin.