Pajjiżna huwa progett ħaj, works-in-progress, li qed jevolvi maż-żmien. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li dak li kien tajjeb għaxar, għoxrin sena ilu għadu jgħodd illum il-gurnata. Il-mentalità tagħna l-Maltin trid tinbidel maż-żmien u naddattaw għar-realtajiet li jkunu laqtuna.
Huwa minnu li l-infrastruttura tal-pajjiż tħalliet mitluqa għal rieħha, u dan qed jirrifletti fil-problema tat-traffiku. Madanakollu, aħna li nużaw it-toroq qed inkomplu nżidu l-problema – bil-mentalità bażwija ta’ wħud mis-sewwieqa. Aktar milli sempliċiment mentalità jien inqisha egoiżmu tal-individwu u nuqqas t’attenzjoni għas-sewwieqa l-oħra!
Kemm-il darba inzertajna double-parking, dan kollu biex wieħed jieqaf jixtri xi gazzetta jew pakkett chewing gum? L-aqwa li nixgħelu l-hazard light, bħal li kieku jfisser li għandek dritt divin li tieqaf fejn trid biex tinqeda!
L-ammont ta’ karozzi fit-toroq żdiedu u huma aktar moderni b’ħafna aċċessorji magħhom (air-condition, electric windows eċċ eċċ), pero bħal donnu li ħafna minnħom jigu mingħajr bozzoz tal-indicators!
Ukoll, xi ngħidu għall-għorriefa li malli jaraw triq two-lane jiddeċiedu jintefgħu fuq il-karreġjata ta’ barra u jsuqulek bl-erbgħin?! Triq b’żewg karreġjati mhiex qegħda biex iżidulek l-għażla ta’ fejn tista’ issuq. Jekk m’hintix mgħaġġel, żomm man-naħa tax-xellug.
L-isfida tal-infurzar
Is-sistema tal-wardens hija tajba fil-prinċipju, iżda sfortunatament mhux qed taqdi l-funzjoni tagħha. Fir-raħal fejn ngħix kważi naf iż-żoni kollha fejn ikun hemm double-parking u abbużi oħra fis-sewqan. Kieku nkun warden li verament nixtieq neduka lill-pubbliku u nċanfru għall-iżbalji tiegħu, naf fejn għandi noqgħod – mingħajr ma jkun hemm bżonn noqgħod indur f’żoni residenzjali biex ngħati ċitazzjoni lill-vettura li tkun ipparkjata pied il-barra mill-kaxxa l-bajda!
Sinċerament, m’għandi xejn personali kontra l-wardens. Anzi, nemmen li jagħmlu wieħed mill-iktar xogħolijiet antipatki u ħaqqhom li l-paga tagħhom tirrifletti l-ħinijiet li jqattgħu jduru barra u jiffaċċjaw lin-nies.
Madanakollu, anki jekk ikollna l-iktar sistema tal-infurzar perfett fid-dinja, kollox jiddependi mid-dixxiplina u attenzjoni tal-individwu fit-triq. Il-liċenzja, jew it-tip ta’ vettura li ssuq, ma tagħmlekx xufier tajjeb. Jekk mhux se nimmaturaw fis-sewqan, il-ġenn fit-toroq mhux se jonqos u sfortunatament l-inċidenti se jkompli jiżdiedu