Meta kompla jżur il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol ftit jiem qabel il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li t-tisħiħ fl-investiment għandu jservi biex itejjeb il-qagħda tal-ħaddiema u biex l-istess ħaddiema jibqa’ jkollhom opportunità jimxu ’l quddiem.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt żjara fil-Food Factory tal-kumpanija James Caterers f’Bulebel.
Il-Prim Ministru Abela ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema kif ukoll mat-tmexxija tal-kumpanija li spjegat lill-prim ministru kif it-tkabbir tal-kumpanija se jwassal għal żieda fl-ispazju għall-produzzjoni tal-ikel.
Ġie nnotat li l-kumpanija kompliet timraħ fis-suq Malti u anke dak barrani biex illum timpjega mal-erbat elef ruħ, b’ħaddiema b’ħiliet u minn sfond differenti li lkoll jikkontribwixxu lejn is-suċċess tal-kumpanija.
Dr Abela saħaq li l-gvern jibqa’ kommess li joħloq ambjent fejn min jixpruna l-investiment ikun appoġġat b’deċiżjonijiet strateġiċi bħas-sussidju favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Deċiżjoni li ħarset l-impjiegi daqskemm għenet lill-istess ħaddiema u lill-familji tagħhom biex ma jerfgħux huma dan il-piż riżultat ta’ realtajiet internazzjonali.
Il-Prim Ministru fisser dawn id-deċiżjonijiet akkumpanjati minn inċentivi favur operat sostenibbli bħala passi oħra meħtieġa li jwasslu biex jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità li jtejbu l-qagħda tal-familji f’pajjiżna.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fiż-żjara kien hemm id-deputati tal-gvern, Omar Farrugia u Cressida Galea.