Is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna qed jesperjenza irkupru liema bħalu wara sentejn ta’ pandemija.
Dan jixhdu stħarriġ maħdum bejn l-Assoċċjazzjoni tar-Ristoranti u l-Lukandiera, l-MHRA, flimkien ma’ Deloitte, liema stħarriġ ta ħarsa lejn il-kwantità u l-kwalità tat-turisti li jżuru Malta.
Hawn ġie nnutat li fl-ewwel disa xhur ta’ din is-sena, it-turisti li żaru pajjiżna nefqu kważi disgħin fil-mija tas-somma li nefqu t-turisti fl-istess perjodu fl-elfejn u dsatax, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Ġie nnutat ukoll kif in-nefqa medja ta’ turist tul din is-sena – kienet ta’ €120, żieda ta’ erbgħa punt sitta fil-mija mill-elfejn u dsatax.
GRAFIKA 1
NEFQA MEDJA TA’ TURIST FL-2022: €120.41
ŻIEDA TA’ 4.6% FL-INFIEQ MILL-2019
Skont iċ-ċifri tal-istħarriġ, l-ammont ta’ turisti li żaru Malta fl-ewwel nofs ta’ din is-sena huma 75% fil-mija tat-total ta’ turisti li żaru Malta fl-elfejn u dsatax.
GRAFIKA 2
TURISTI F’MALTA FL-2019: 2,700,000
TURISTI F’MALTA FL-EWWEL SITT XHUR TAL-2022: 2,025,000
75% TAT-TURISTI FL-2019
Hawn ġie nnutat ukoll li l-btala medja ta’ turist għal din is-sena kienet itwal minn dik tal-elfejn u dsatax.
Fi stqarrija, il-President tal-MHRA, Tony Zahra qal li dan l-irkupru huwa riflettiv tar-reżiljenza tas-settur turistiku, iżda huwa xhieda tal-isforz kollettiv tal-istakeholders f’dan is-settur, fosthom il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-AirMalta u l-membri tal-MHRA.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, li spjega kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, qed tipproġetta li din is-sena se jżuru Malta mat-2.2 miljun turist.
Huwa sostna li dan l-irkupru beda mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.
Fakkar kif fl-ewwel xhur ta’ din is-sena l-varjant Omicron fixkel kemmxejn is-settur turistiku, iżda minkejja dan, ix-xhur ta’ wara raw irkupru b’saħħtu.
Micallef qal li xorta l-MTA xorta waħda għandha sfidi quddiemha sabiex is-settur tat-turiżmu ikompli jissaħħaħ.
“L-ewwel impenn tagħna huwa li nżidu l-flights lejn pajjiżna, ikollna iżjed destinazzjonijiet, inżidu l-frekwenza tagħhom, u la jkollna s-seats, aħna naħdmu sabiex nimluhom bit-turisti lejn pajjiżna. Qiegħdin naraw li nilħqu l-irkupru tagħna jekk ma jinqala’ xejn, għax hemm ħafna fatturi li jistgħu ifixxklu l-pjanijiet tagħna, sal-aħħar tal-2024.”
Huwa sostna li dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr ħidma sfiqa waqt u anke wara l-pandemija.
“Dan ifisser li l-ħidma li għamilna, mhux biss f’dawn l-aħħar xhur imma anke waqt il-pandemija, fejn bqajna nippromwovu lil pajjiżna fil-pajjiżi fejn inġibu t-turisti minnhom ħalliet il-frott. L-istrateġija tal-gvern, tal-Ministeru tat-Turiżmu, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed turi li qiegħdin fit-triq it-tajba tal-irkupru, irkupru aħjar minn li stennejna. Se nkomplu naħdmu għall-quddiem sabiex inwettqu l-istrateġija tagħna għall-għaxar snin li ġejjin.”