Minkejja l-isfidi tal-pandemija li laqtu lil kull settur, dak tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna ra żieda ta’ ħamsa punt ħamsa fil-mija, fis-sena tal-pandemija.
Fil-fatt kiber għal aktar minn biljun ewro.
Fil-fatt, fir-Rapport Annwali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji għas-sena elfejn u għoxrin ħareġ kif l-istess Awtorità baqgħet fi triqitha biex tilħaq il-miri kif stabbiliti fil-pjan strateġiku tagħha hekk kif is-settur Malti tas-servizzi finanzjarji laqa’ b’mod tajjeb għax-xokkijiet li rriżultaw malli faqqgħet il-pandemija.
Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità wettqet aktar minn erba’ mitt spezzjoni; żieda ta’ aktar minn tmenin fil-mija fuq is-sena ta’ qabel u kważi mija u ħamsin fil-mija fuq l-elfejn u tmintax.
Fl-istess sena, l-Awtorità proċessat mitejn u ħamsa u sittin applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, li ħamsa u għoxrin fil-mija minnhom ġew irtirati jew irrifjutati.
Fl-istess waqt, sar moniteraġġ kontinwu fuq l-effett tal-COVID-19 u ta’ Brexit fuq l-istabilità finanzjarja.
Fir-rapport joħroġ kif sar titjib u investiment sinifikanti fir-riżorsi umani tal-Awtorità; b’aktar minn sittax-il elf siegħa ta’ taħriġ ipprovdut lill-uffiċjali.
Dan kollu sar fi sfond ta’ enfasi fuq l-istabbiltà, kontinwitità u tkabbir kemm għall-Awtorità kif ukoll għas-settur.
L-MFSA ħadet ukoll aktar minn ħamsin azzjoni ta’ infurzar, u nħarġu kważi miljun ewro f’penali amministrattivi.
Fi stqarrija li fiha ġie ppubblikat ir-rapport, iċ-Chairman tal-MFSA l-Professur John Mamo nnota kif minkejja l-isfidi tal-pandemija, is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna kompla jikber u jiġġenera opportunitajiet ta’ impjieg, u tenna d-determinazzjoni tal-Awtorità li tkompli tixpruna s-sostenibbiltà fis-settur.Settur Fina