Is-settur tal-kostruzzjoni huwa wieħed mill-aktar importanti għall-ekonomija Maltija.
Dan intqal waqt laqgħa bejn l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi.
Iż-żewġ naħat qablu li kull minn jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni jirċievi taħriġ, sabiex jiġu evitati inċidenti sfortunati.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal kif bħala partit kellu diversi diskussjonijiet għaliex jemmen li għandu jkun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent.
Spjega kif, “Bla dubju dan huwa settur importanti ħafna għall-ekonomija Maltija, settur li jimpjega għexieren ta’ eluf ta’ nies. Bla dubju huwa settur kontroversjali wkoll u anke hemmhekk kellna numru ta’ diskussjonijiet fejn wieħed irid jara kif se jevolvi dan is-settur b’mod pożittiv u mhux neċessarjament li jkunu ta’ detriment ta’ aspetti oħrajn għas-soċjetà Maltija.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti qal kif jinsab onorat b’din il-laqgħa kordjali u jispera li jkun hemm aktar laqgħat ‘il quddiem.
Fi studju li sar minn kumpanija Maltija, mill-elfejn u sittax sal-lum żdiedu b’erbatax-il elf ħaddiem fis-settur tal-kostruzzjoni, li jfisser għaxra fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.