Matul is-sena li għaddiet, il-kontribut li s-settur tal-kostruzzjoni ta lill-ekonomija Maltija kompla jiżdied biex issa laħħaq kważi tlett elef miljun ewro.
Dan ħareġ minn stħarriġ nazzjonali li sar għat-tielet sena konsekuttiva mill-Fondazzjoni Property Malta b’kollaborazzjoni mal-kumpanija tal-awdituri KPMG.
L-istħarriġ wera żieda fil-pagi tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni matul is-sena li għaddiet li issa laħħqu tlieta u erbgħin elf ħaddiem, disat elef aktar mill-2017.
David Pace, mill-KPMG, qal li aktar minn qatt qabel hemm bżonn li dawk kollha involuti fis-settur jaġixxu b’kawtela u b’għaqal.
Pace sostna “Bdejna naraw f’ċertu oqsma ta’ prezzijiet ir-rata ta’ tkabbir beda jonqos, xorta kien hemm tkabbir fl-2018 ta’ ċertu portata u mil-lenti tal-kostruzzjoni wkoll kiber imma interessanti li baqa’ b’livell ta’ kontribuzzjoni li jfisser li l-partijiet l-oħra tas-suq ukoll kibru.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Property Malta, Sandro Chetchuti nnota li l-prezz tal-proprjetà għola f’daqqa f’kuntest ta’ “boom” ekonomiku fil-pajjiż, u issa – kif anki wera l-istħarriġ, beda jistabbilizza ruħu.
Chetcuti stqarr li “Il-policies tal-Gvern dejjem kienu li l-middle class f’Malta jkun iktar sinjur, filfatt il-middle class illum huwa sinjur żgħir, u naħseb li d-domanda li hemm fil-proprjetà għadha sostenibbli u jirriżulta fl-istudju indipendenti li sar mill-KPMG.”
Meta indirizza l-konferenza, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-akbar sfida għall-ġejjieni biex is-settur ikun sostenibbli, hija l-kilba u r-regħba ta’ wħud mill-operaturi, li fi kliemu jridu “jitħanżru”.
Qal li fil-qasam tal-kostruzzjoni, wieħed mill-ewwel iħoss jekk investiment ikunx se jrendi, u semma li l-istint tan-negozju, il-banek u l-politika tal-Gvern huma tliet fatturi li jilqgħu għal dan.
Żied li kif jixhdu l-banek u s-suq, il-qasam tal-kostruzzjoni miexi b’ritmu sostenibbli.
Dwar l-istħarriġ, il-Prim Ministru nnota ż-żieda artifiċjali ta’ ċertu proprjetajiet, li kienu qed jinbiegħu ferm iżjed minn kemm jiswew u li issa qed jistabilizzaw u jimmoderaw.
Qal li dan huwa suq fejn il-Gvern irid iżomm ir-riedni, bħalma għamel dan is-sajf meta waqqaf l-iżvilupp għal numru ta’ ġimgħat għax kien hemm min ma kienx qed jimxi b’ċertu “irġulija”.
Il-Prim Ministru nnota li l-qasam tal-proprjetà qed jikber għax qed tikber l-ekonomija, u din qed tikber għax qed jikbru oqsma oħra li joħolqu domanda għall-proprjetà. Qal li kieku din ix-xejra kienet bil-maqlub kien jinħoloq tħassib għax taf twassal għal qasam spekulattiv li joħloq bużżieqa fis-suq tal-proprjetà.
Waqt li tenna li l-għan tal-Gvern hu li kulħadd isir sinjur żgħir, saħaq li l-Gvern jinsab determinat li jieħu deċiżjonijiet biex isostni t-tkabbir ekonomiku. Hawn innota li filwaqt li fl-2013, 1% tal-Prodott Domestiku Gross tal-ekonomija kien sebgħin miljun, illum l-istess perċentwal irdoppja u jlaħħaq il-140 miljun.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg semma l-isfida tal-iskart tal-kostruzzjoni, u f’dan il-kuntest qal li wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi fosthom ir-reklamazzjoni tal-art fil-baħar bħal dik li saret fil-Marsa, fl-Imsida u fil-Port Ħieles.
Temm jappella biex l-ekonomija l-ħadra tibqa’ fuq l-aġenda biex il-pajjiż jibqa’ jiġi żviluppat b’mod li jirrispetta l-isfidi ambjentali.
Kemm il-Prim Ministru Muscat kif ukoll il-Ministru Borg appellaw biex kulħadd jaħdem flimkien f’wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, li jimpjega xejn inqas minn 43,000 persuna.