Is-settur tal-gaming f’pajjiżna għandu bżonn aktar minn 700 ħaddiem ieħor. Dan sostnieh is-Segretrju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri waqt li kien qiegħed jindirizza summit organizzat mill-kumpanija tal-awdituri, il-KPMG.
Schembri qal: “Komplejna nattiraw kumpaniji lejn pajjiżna pero issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn in-numru ta’ domanda ta’ ħaddiema li qed titlob din l-industrija huma ħafna akbar mid-domanda. bħalissa hemm ‘il fuq minn 700 vacancy fl-industrija tal-gaming.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega li sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas li qegħdin jirrapportaw il-kumpaniji tal-gaming li joperaw f’pajjiżna, saret ħidma biex jittellgħu korsijiet skont il-bżonn tal-industrija.
Is-Segretarju Parlamentari Schembri sostna: “Il-Gvern sentejn ilu beda proċess fost l-oħrajn through l-Gaming Institute of Malta li hija inizjattiva bejn l-MGA u l-MCAST fejn hemmhekk jibda jinħolqu korsijiet apposta ħalli aktar Maltin jibbenefikaw minn din l-industrija.”
Qal li s-suċċess fis-settur ma ġiex b’kumbinazzjoni u sostna li l-infrastruttura tal-informatika b’saħħitha li għandha Malta flimkien ma’ regolatur b’saħħtu u b’reputazzjoni komplew jattiraw aktar kumpaniji lejn pajjiżna.
Huwa rrefera wkoll għall-att tal-gaming li l-Gvern daħħal is-sena l-oħra u semma kif is-sena l-oħra twettqu 33 spezzjoni mill-FIAU kontra l-ħasil tal-flus. Sostna li fl-istess waqt bdew isiru 40 spezzjoni oħra li mistennija jkunu lesti sa Lulju li ġej.
Huwa sostna wkoll li l-Gvern se jibqa’ aċċessibbli għall-partijiet kkonċernati kollha hekk kif il-Gvern għad għandu u se jibqa’ jkollu jdejh miftuħin għall-ideat ġodda fis-settur.