Is-settur tal-gaming f’pajjiżna kompla juri prospetti tajbin. Tant hu hekk li, f’Diċembru li għadda, kien qiegħed jimpjega ‘l fuq minn għaxart elef ruħ b’mod dirett fuq bażi full-time.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri ma’ dan l-istazzjon filwaqt li fakkar li hemm aktar nies jiddependu mill-istess settur b’mod indirett.
“Iżda għandek ammont ta’ nies oħra li jaħdmu indirettament – jekk hux b’servizzi li jipprovdu, jekk hux, imbagħad, għal postijiet li jinkrew u l-attività ekonomika li toħloq – jiġifieri jekk wieħed jieħu b’mod kumpless l-attività għandek ’il fuq minn ħmistax-il elf persuna jiddependu minn dan is-settur.”
Il-Ministru nnota li dan is-settur jikkontribwixxi aktar minn biljun ewro tal-valur gross miżjud fl-ekonomija Maltija, ekwivalenti għal madwar sebgħa punt sebgħa fil-mija tal-valur miżjud.
Ċifri miksuba minn ONE News juru li f’pajjiżna hawn tliet mija wieħed u erbgħin kumpanija b’liċenzja maħruġa mill-Awtorità tal-Gaming, l-MGA. Dawn il-kumpaniji joperaw online jew inkella għandhom uffiċini f’pajjiżna.
Minn dawn il-liċenzji kien hemm ammont konsiderevoli li nħarġu matul is-sena li għaddiet minn applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Gaming f’Malta.
“Matul is-sena li għaddiet kellna sitta u erbgħin applikazzjoni ġdida ta’ kumpaniji tal-Gaming li joperaw minn pajjiżna. Allura, qed naraw li nkomplu nattiraw kumpaniji tal-ogħla livell, li jiġu f’pajjiżna sabiex inkomplu nkabbru l-attività ekonomika.”
Dan is-settur mhux biss iħalli flus b’mod dirett fil-bwiet ta’ dawk li jaħdmu fih iżda, matul l-2021, l-istess Awtorità ġabret kwazi tmienja u sebgħin miljun ewro fi ħlasijiet kontributorji u taxxi mill-kumpaniji bbażati f’pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mill-ekonomija stqarr li, issa li pajjiżna stabilixxa ruħu bħala ġuriżdizzjoni b’leġiżlazzjoni serja u addattata għas-settur, qiegħed jaħdem fuq politika biex l-industrija tibqa’ tkun reżiljenti.
“Irridu nkomplu, imbagħad, noħolqu industriji ġodda li huma relatati indirettament. Insemmi, pereżempju, l-industrija tal-videogame development, l-industrija tal-e-sports, l-industrija tal-BlockChain, fejn hemmhekk għandek diversi kumpaniji, imbagħad, li jkollhom kumpaniji li jinterattaw ma’ dawn il-kumpaniji li joperaw fl-online gaming, però huma differenti. Anki hemmhekk, inti li tagħmel diversifikazzjoni tal-industrija, tagħmilha waħda aktar reżiljenti.”