Is‑settur finanzjarju Malti baqa’ wieħed reżiljenti, hekk kif il‑banek lokali komplew joperaw b’marġini aktar wiesgħa li jiżbqu r‑rekwiżiti regolatorji tal‑kapital u tal‑likwidità, u b’hekk baqgħu kapaċi jassorbu l-impatti negattivi.
Din is-sitwazzjoni finanzjarja b’saħħitha f’pajjiżna kompliet għaddejja, grazzi għas-sostenn ġenerali mill-Gvern Malti, waqt li dik barranija baqgħet ikkaratterizzata minn riskji ġeopolitiċi għoljin b’effetti ħżiena fuq l‑istabbiltà finanzjarja f’diversi pajjiżi oħrajn.
Dawn ir-riżultati joħorġu mis-sittax-il edizzjoni tar-rapport dwar l-istabbilità finanzjarja mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta, li jkopri l‑iżviluppi makrofinanzjarji domestiċi u globali u l‑effetti tagħhom fuq is‑settur Malti matul l‑2023.
Waqt li l-banek ċentrali barranin komplew jissikkaw il-politika monetarja tagħhom, l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni komplew jonqsu, tant li s-swieq finanzjarji kienu qed jantiċipaw li l-awtoritajiet monetarji jibdew ibaxxu r-rati tal-imgħax fl-ewwel xhur tal-2024.
Il-profittabbiltà fis-settur Malti żdiedet permezz ta’ dħul nett ogħla mill-imgħax, b’rati ogħla tal-imgħax stess u domanda sostnuta għall-kreditu, b’dan tal-aħħar jibqa’ xprunat mis-self marbut mal-proprjetà.