Huma l-attakki malizzjużi bi skopijiet partiġġani minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna.
B’referenza għall-kummenti tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri sostna dwar il-ħidma sfieqa li għaddejja mill-gvern biex isewwi l-ħsara li wettqet l-Oppożizzjoni fuq pajjiżha stess.
Silvio Schembri qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem fuq ir-reputazzjoni jrid jibda billi jisma’ lill-operaturi minn dan is-settur li huma stess isostnu mal-gvern li dak li qed jagħmlu esponenti tal-Partit Nazzjonalista hu inaċċettabbli anke għax din il-kampanja viljakka qed tweġġa’ lil għadd ta’ familji Maltin u Għawdxin li l-ħobza tagħhom tiddependi minn dan is-settur.
“L-ebda oppożizzjoni, fi kwalunkwe pajjiż fl-Ewropa, ma qed taġixxi bil-mod kif qed jaġixxu l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, lanqas f’pajjiżi fejn infetħu proċeduri formali mill-Kummissjoni Ewropea kontra dawn il-pajjiżi fuq ħasil ta’ flus”, qal Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari żied li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhedi biex jara kif jagħmel ħsara lil pajjiżu stess jew li saħansitra jsejjaħ patrijotti lill-istess persuni li moħħhom biss biex iħammġu lil Malta, dan il-gvern hu l-unika tarka u spalla għall-operaturi f’dan il-qasam.
“Dan il-Gvern determinat li jkompli jsaħħaħ dan is-settur, li jkompli jiġġenera opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda u li jattira iżjed investiment lejn pajjiżna għax dan hu dak li jistħoqqilha kull familja Maltija u Għawdxija”.