Matul is-sena li għaddiet, is-settur finanzjarju f’Malta kiber bi ħdax punt tmienja fil-mija. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, li kompla jixħet dawl fuq l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.
Dan it-tkabbir ikkontribwixxa sew għall-valur miżjud gross ta’ pajjiżna, tant li fl-imsemmija sena, is-settur iġġenera aktar minn elf u mitejn miljun ewro f’valur miżjud gross.
In-numru ta’ nies impjegati fis-settur ukoll kiber, b’madwar sitt elef u ħames mitt persuna oħra bejn l-elfejn u dsatax u s-sena li għaddiet.
Fir-rapport ħareġ li, is-sena l-oħra, l-Awtorità rċeviet tliet mija u tnejn u ħamsin applikazzjoni għal liċenzji ġodda, li erbgħa u tmenin fil-mija minnhom kienu approvati.
Fi stqarrija dwar ir-rapport annwali, l-MFSA rrimarkat dwar l-isforzi biex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi fis-settur, fl-istess waqt li kompliet tagħmel enfażi fuq l-inforzar. Tant li, f’sena, ittieħdu sebgħa u sebgħin azzjoni ta’ inforzar, li rriżultaw fi kważi nofs miljun ewro f’multi.
B’attenzjoni proattiva lejn ir-reżiljenza diġitali u s-sigurtà onlajn, l-Awtorità tenniet l-impenn tagħha lejn aktar ħidma fiż-żmien li ġej, b’bilanċ bejn l-innovazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, biex tkompli tkun xprunata bidla pożittiva li tmexxi din l-industrija importanti ’l quddiem.