Fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa, ġie spjegat kif is-servizzi tal-kura paljattiva fid-djar tal-anzjani se jkomplu jissaħħu.
Permezz ta’ professjonisti varji se jkun assigurat kif il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna u ta’ qrabathom tkun imtejba, anki meta l-pazjenti joqorbu lejn l-aħħar stadji tal-ħajja tagħhom.
Permezz ta’ tagħmir ġdid u servizzi ġodda, l-anzjani mhux se jkollhom għalfejn jiċċaqalqu mill-home, fejn jinsabu residenti, biex jieħdu xi kura partikolari.
Christian Zammit, konsulent li jispeċjalizza fil-kura tal-anzjani spjegalna dwar il-benefiċċji ta’ dan is-servizz.
Zammit stqarr, “L-ikbar benefiċċju li se jgawdu l-anzjani illi min ikun wasal fl-aħħar jiem jew gimgħat ta’ ħajtu, meta jkollu sintomi li qabel ma konniex kapaċi nikkontrollawhom fil-care home u konna nibgħatuhom l-isptar, dawn ħa nkunu nistgħu nibqgħu nieħdu ħsiebhom hawnhekk.”
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele tkellem dwar l-aspett ħolistiku ta’ dan is-servizz, bis-sehem ta’ diversi professjonisti.
De Gabriele “Parti minn dan il-proġett tal-kura paljattiva huwa li wieħed jaħdem b’tim multidixxiplinarju, li jinvolvi tobba, nurses, psikoterapisti, għal meta jkollok l-ansjetà, per eżempju, jinvolvi allied health professionals bħal fiżjoterapisti, occupational therapists, speech therapists, jinvolvi l-aspett reliġjuż, għandna s-social workers li huma parti integrali mit-tim, spiżjara jiġifieri hemm tim multidixxiplinarju li kollu ġie mħarreġ biex ikun jista jagħti din it-tip ta’ kura.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela tkellem ma’ ONE News dwar l-impenn tal-Gvern fejn tidħol il-kura paljattiva.
Il-Ministru Abela “Fid-djar tal-anzjani varajna proġett fejn din il-kura se tingħata fid-djar u aħna ħa niffrankaw lir-residenti li jkollhom jiccaqilqu mid-dar biex immorru l-isptar, f’ħin meta jkunu l-aktar batuti u vulnerabbli.”