Matul ix-xahar ta’ Mejju, is-servizz diġitali tal-eBooks fi ħdan il-Malta Libraries bl-isem LIBBY ra żieda ta’ 675% fl-użu tiegħu.
Dan meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Fil-fatt matul ix-xahar ta’ Mejju ntlaħaq rekord inkoraġġanti ħafna b’total ta’ 7,339 titlu diġitali misluf.
Dan filwaqt li matul ix-xhur ta’ Marzu u ’ April kien hemm żieda qawwija fis-self tal-eBooks, b’ċifri ta’ 2,807 u 6,880 rispettivament.
Dawn juri biċ-ċar li fiż-żmien tal-pandemija, is-servizz LIBBY kien għal ħafna Maltin u Għawdxin l-aktar mezz popolari kif jaqraw.
Il-Ministru José Herrera tenna li matul l-aħħar ġimgħat Malta Libraries kompliet tinvesti f’dan is-servizz b’xiri ta’ aktar eBooks.
“Filwaqt li huwa inkoraġġanti li f’dawn l-aħħar ġimgħat rajna żieda qawwija u sostanzjali fil-qari tal-eBooks, irridu issa naċċertaw li din iż-żieda titkompla fix-xhur li ġejjin.” Il-ministru indika li bħalissa qegħdin isiru l-aħħar preparamenti sabiex il-libreriji jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu għall-pubbliku fil-ġranet li ġejjin.