Allegata sparatura f’korsa tal-golf fi Florida fil-preżenza tal-eks President Donald Trump qed tiġi meqjusa bħala attentat ieħor fuq ħajtu matul il-kampanja tiegħu bħala kandidat Repubblikan għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana ta’ Novembru li ġej.
Rapporti konflinġenti jindikaw li, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar tal-Ħadd, is-servizzi sigrieti Amerikani nnotaw rifle ħierġa minn bejn l-arbuxelli u sparaw lejha. Mhux ċar lanqas jekk kienx hemm tiri sparati lejn Trump.
Ġie rrapportat li xhud, li kien fuq il-post, stqarr li ra raġel ħiereġ minn bejn arbuxelli u jidħol f’karozza sewda qabel ħarab minn fuq il-post.
Investigazzjoni mill-pulizija, jirriżulta li s-suspett hu ċertu Ryan Wesley Routh, li ġie arrestat fid-dar tiegħu iżjed tard.
Jingħad li r-raġel ta’ 58 sena argumenta li hu favur l-Ukrajna u xtaq li suldati barranin imorru jiġġieldu kontra l-forzi Russiu hu stess kien mar l-Ukrajna, fi Frar tal-2022, biex jingaġġa suldati Afgani li kienu ħarbu minn pajjiżhom meta reġa’ tela’ fil-poter it-Taliban.
Routh għandu għadd ta’ preċedenti, inkluż pussess ta’ armi bla permess.
B’rabta mal-aħbar bosta politiċi tkellmu, inkluż il-President Joe Biden u l-Viċi President u kandidata tad-Demokratiċi għall-istess elezzjoni Presidenzjali, Kamala Harris, li stqarrew li l-vjolenza qatt m’għandu jkollha post fil-pajjiż.
Il-kandidat għal Viċi President ta’ Trump, J.D. Vance, qal li tkellem miegħu u jinsab tajjeb.
Investigazzjonijiet mill-FBI u l-pulizija ta’ Florida għadhom għaddejjin.