Id-Dipartiment tal-Eżamijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għadu kif sar membru tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Assessjar Edukattiv – International Association for Educational Assessment (IAEA). Dan ifisser li s-servizzi nazzjonali offruti mid-Dipartiment tal-Eżamijiet ġew rikonoxxuti li huma ta’ livell għoli u korporattiv, b’mod partikolari fl-amministrazzjoni ta’ eżamijiet pubbliċi u nazzjonali. L-affiljazzjoni tad-Dipartiment tal-Eżamijiet f’din l-Assoċjazzjoni trid tiġġedded fuq bażi annwali, u dan sabiex ikun żgurat li jibqgħu jinżammu l-ogħla standards nazzjonali ta’ prattika fl-assessjar edukattiv f’livelli u kuntesti differenti.
L-IAEA hija assoċjazzjoni internazzjonali li l-għan tagħha huwa li tmexxi ‘l quddiem ix-xogħol fl-assessjar edukattiv f’livell internazzjonali. Din ġiet iffurmata wara konferenza li kienet saret fi New Jersey, fl-Istati Uniti, fl-1974. Dakinhar, kien hemm madwar 35 espert f’dan il-qasam li kienu jirrappreżentaw 18-il pajjiż madwar id-dinja. Il-parteċipanti kienu qablu li jwaqqfu organizzazzjoni bl-għan li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn aġenziji tal-assessjar madwar id-dinja biex ikun hemm aktar prattiki tajbin u sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati proġetti korporattivi bejniethom. L-Assoċjazzjoni twaqqfet uffiċjalment fl-1975.
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Assessjar Edukattiv temmen li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka edukattiva u l-assessjar hija essenzjali jekk ikun hemm titjib fl-edukazzjoni u jekk il-vantaġġi tagħha jiġu estiżi biex jilħqu aktar persuni. Hija tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ rabtiet aktar mill-qrib bejn persuni, esperti, aġenziji u istituzzjonijiet li jinfluenzaw u jservu sistemi u proċessi edukattivi, sabiex persuni minn pajjiżi differenti jitgħallmu minn xulxin, jgħinu lil xulxin, u jagħmlu dan b’rispett lejn l-awtonomija kulturali tagħhom.
Eventwalment, l-Assoċjazzjoni żvilupat l-istatuti u r-regolamenti tagħha u minn dakinhar ‘l hawn din kompliet tikber u tiżviluppa, tant illi llum hija tħaddan fiha madwar 160 membru li jinkludu esperti individwali, kif ukoll organizzazzjonijiet primarji u affiljati. Il-Kumitat Eżekuttiv huwa magħmul minn uffiċjali li ġejjin minn pajjiżi u kontinenti differenti.