Is-servizz tas-Silver T issa ġie estiż għal tmien rotot oħra apparti d-disa’ rotot li fihom ilu jiġi offrut mill-2018.
Dan huwa servizz li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità joffri bla ħlas, biex l-anzjani jitwasslu għal xi qadi jew appuntament li jistgħu jkollhom.
Issa s-servizz se jiġi offrut f’dawn il-lokalitajiet:
- L-Imġarr;
- Ħad-Dingli;
- Tal-Pietà;
- Il-Fgura;
- Raħal Ġdid;
- Ħal Tarxien;
- Santa Luċija, u
- l-Gudja
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele spjega li kull min għandu aktar minn 60 sena huwa eliġibbli għal dan is-servizz, u biex jitlob għalih irid jagħmel kuntatt mad-dipartiment fuq in-numru 159 sa minn jumejn qabel.
Is-Sur Degabriele spjega li dan” huwa servizz kruċjali għaliex l-anzjan, fil-lokalità tiegħu stess, ikun jista’ jagħmel il-qadi kollu li hemm bżonn, sew jekk hu xiri jew appuntament mediku. B’hekk qed inżommu lill-anzjani fil-komunità.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Silvio Parnis, qal li l-ħidma biex dan is-servizz jibqa’ jissaħħaħ mhux se tieqaf hawn.
Huwa qal “bħalissa għaddejja sejħa biex il-karozzi jinbidlu b’vannijiet aċċessibbli għal persuni fuq is-siġġu tar-roti jew b’nuqqas ta’ mobilità. L-iskop tagħna hu li dan is-servizz jiġi estiż ma’ Malta u Għawdex biex l-anzjani jkunu jistgħu, mingħajr ħlas, iċemplu u jkunu offruti s-servizz u jitwasslu fiċ-ċentri tas-saħħa u postijiet oħra fejn ikunu jridu jmorru.