Is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità se jkun estiż fi tmien lokalitajiet oħra madwar il-pajjiż.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Malta Ċertezza u Stabbilità’.
Dan is-servizz se jkun qed jiġi estiż fost oħrajn f’Ħaż-Żabbar, fix-Xgħajra, Wied il-Għajn, San Ġwann, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, fis-Siġġiewi u fiż-Żurrieq.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li se jfisser li 75% tal-pajjiż se jkollu dan is-servizz. Huwa qal li permezz ta’ dan is-servizz, il-Pulizija jkunu eqreb tal-komunità.
Dan is-servizz flimkien ma’ oħrajn qed iwassal biex pajjiżna għandu inqas rata ta’ kriminalità, minkejja li l-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet u wkoll żieda akbar fil-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li permezz ta’ din l-estensjoni, il-Pulizija qed jasal għal mira ambizzjuża sabiex sal-aħħar tas-sena d-dieħla, dan is-servizz ikun f’kull lokalità f’pajjiżna.
Dan huwa kunċert ambizzjuż li bih qed tonqos ir-rata ta’ kriminalità, minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u t-turisti f’pajjiżna.
Huwa qal li qed jiżdiedu r-reati li jsiru fuq pjattaformi diġitali u hemmhekk qal li se jkun hemm żieda fil-miżuri dwar dawn ir-reati.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava qal il-kunċett tal-Pulizija fil-Komunità qed iżżid il-fiduċja fil-Korp u ċ-ċittadini u l-Pulizija huma eqreb ta’ xulxin.
Huwa semma li l-kollaborazzjoni bejn il-Pulizija, il-Kunsilli Lokali u ċ-ċittadini sabiex b’hekk qed isaħħaħ is-sigurtà fil-lokalitajiet.
Intant, il-Ministru Camilleri qal li l-budget għas-sena d-dieħla qal li jinkludi li l-membri tal-Korp tal-Pulizija se jkollhom uniformi ġdida, li hija aktar komda biex jaħdmu.
Huwa semma kif sar l-akbar investiment kapitali f’dan is-settur, anki permezz tal-P71, li hija l-akbar dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Ministru Camilleri semma li se jkun hemm żieda ta’ 23% fil-pensjoni ta’ dawk il-membri fil-Korp Dixxiplinat li jkomplu jaħdmu għal aktar minn erba’ snin fis-servizz. Dan apparti ukoll il-pensjoni lir-romol ta’ uffiċjali li jkunu ġew nieqsa waqt is-servizz tagħhom f’Korp Dixxiplinat.