Mil-jum tat-Tnejn reġgħu bdew jingħataw is-servizzi lill-anzjani fil-komunità, fosthom dawk tal-HomeHelp u tal-Comm Care, bi protokolli ġodda biex l-anzjani u l-ħaddiema tas-saħħa jkunu lkoll protetti.
Spjega dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele.
“Jiġifieri qed nitkellmu dwar professjonisti tas-saħħa fid-djar, il-homehelp, servizzi marbuta mad-dimensja. Is-servizzi kollha li kienu qed jintużaw mill-anzjani se jibqgħu jintużaw.”
Degabriele spjega wkoll kif kull ħaddiem li jżur id-dar privata tal-anzjan tħarreġ fil-mod kif jilbes u jneħħi l-ilbies protettiv minn fuqu, fosthom maskri, visors, u anke fradal apposta.
Fl-istess ħin, l-anzjani jistgħu jerġgħu jibdew jitolbu għal ċertu tip ta’ servizzi miċ-Ċentru Servizz Anzjan fil-Belt, li fetaħ il-bibien tiegħu mill-ġdid mit-Tnejn wkoll wara xahrejn magħluq.
Waqt żjara li għamel fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis spjega kif minkejja li s-servizzi kollha fil-komunità, l-anzjani huma mħeġġa jitolbu għal dawn is-servizzi permezz ta’ telefonata.
“Irridu naraw ukoll li l-anzjan jibqa’ sigur. Qed naraw li l-anzjan laqa’ dan tajjeb għaliex kulħadd xtaq li dawn jerġgħu jibdew jingħataw u anke b’diskussjonijet mal-Professur Charmaine Gauci stajna nkomplu nagħtu servizz lill-anzjani tagħna.”
Alex Vella, il-Kap ta’ dan iċ-ċentru, spjega li fl-ewwel ftit sigħat mill-ftuħ mill-ġdid taċ-ċentru, tmien anzjani daħlu jitolbu servizz diġà. Qal ukoll li minkejja li nżamm kuntatt ma’ xi anzjani b’mod virtwali, issa li s-servizzi se jerġgħu jibdew jingħataw b’mod fiżiku, it-talbiet bit-telefonati wkoll żdiedu.
“Illum ilqajna madwar tmien persuni wara xahrejn u nofs magħluqin minn dan l-uffiċċju, u jkunu dawk in-nies li jippreferu li jdaħħlu applikazzjoni jew dokument huma biex iserrħu rashom li waslet.”
Servizzi li għalissa mhux se jidħlu fis-seħħ bħala prevenzjoni kontra huma s-servizzi taċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, tan-Night Shelters u tas-Silver-T.