F’intervista mal-MaltaToday, il-Ministru għat-Trasport u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ħabbar li s-servizz tal-ferry bejn Kottonera, il-Belt u Tas-Sliema se jkun bla ħlas għal dawk li għandhom Tal-Linja Card.
Intqal li din id-deċiżjoni hi parti mill-pjan tal-Gvern li jnaqqas il-konġestjonijiet tat-traffiku billi tinkoraġġixxi n-nies iħallu l-karozza tagħhom id-dar u jużaw trasport alternattiv.
“Qegħdin naraw li t-trasport bil-baħar ikun bla ħlas ukoll permezz Tal-Linja Card. Ħa jkun esperiment li ħa nagħmlu. Jiġifieri dak li qed naraw minn Bormla sal-Belt, mill-Belt sa Tas-Sliema, ikun bla ħlas.”
Il-Ministru Farrugia tenna li dan l-investiment huwa wieħed għaqli biex in-nies jaqsmu l-pajjiż bil-baħar.
Hawnhekk huwa semma kif il-Gvern għamel investiment fil-moll f’Bormla u x-xogħlijiet fuq il-moll f’Tas-Sliema se jkun lest sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Intqal ukoll li dan is-servizz se jkun estiż ukoll lejn Buġibba, fejn ix-xogħlijiet għal moll ġdid għal dan is-servizz ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.