Fil-jiem li ġejjin se jibda jitħaddem is-servizz ta’ pariri u assistenza b’xejn minn avukati u periti lil persuni li huma affettwati minn xi żvilupp fil-qasam tal-kostruzzjoni li jkun qiegħed iseħħ maġenb ir-residenzi tagħhom.
Kull ċittadin, li jaqa’ taħt it-tali parametri, se jkun jista’ japplika għal dan is-servizz bla ħlas, waqt li l-Gvern ikopri l-ispejjeż ta’ dawn il-professjonisti li se jibdew jagħtu s-servizz.
Numru ta’ avukati u periti bil-warrant wieġbu għas-sejħa riċenti tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA, wara li l-Gvern ħabbar dan is-servizz ġdid, bħala parti minn sensiela ta’ riformi fl-industrija tal-kostruzzjoni, li, għall-ewwel darba, qed tara injezzjoni qawwija ta’ serjetà u dixxiplina.
Fil-fatt, għal din is-sejħa, il-BCA rċeviet madwar ħamsin applikazzjoni minn avukati u ’l fuq minn għoxrin oħra mingħand periti kwalifikati.
Minn hawn skatta proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet u ntagħażlu dawk affidabbli, li kapaċi jaħdmu f’tim u huma motivati biex jibdew joffru tali servizz.
Dwar dan tkellimna mal-Perit Roderick Bonnici, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, li spjega li l-għan aħħari tas-servizz hu li persuni terzi jkollhom rappreżentazzjoni bla ħlas waqt li jiddefendu d-drittijiet tagħhom fi proċessi marbutin mal-kostruzzjoni.
“Ħa jkunu qed jgħinu b’mod legali u anke b’mod tekniku meta jkun hemm problemi fuq method statements, condition reports u dawk il-mistoqsijiet li l-aktar niltaqgħu magħhom aħna.”
Roderick Bonnici – Aġent Kap Eżekuttiv, BCA
Dan is-servizz hu riżultat tat-twettiq ta’ inizjattiva li ħabbar immedjatament il-Gvern wara l-pubblikazzjoni tal-Inkjesta Sofia.
Il-Perit Bonnici spjega li l-professjonisti magħżulin qed ikollhom sessjonijiet ta’ taħriġ apposta biex ikunu mħejjijin quddiem l-isfidi varji li jistgħu jiffaċċjaw.
“Saru numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ mal-professjonisti biex nispjegaw aħjar dak li qed jintalab mill-BCA biex id-domanda hemm barra tkun qed tinqeda bl-aħjar mod possibbli. Bħala sessjonijiet kien hemm diversi, fejn anke kien hemm sessjonijiet konġunti biex fil-ġranet li ġejjin dan is-servizz ikun disponibbli għall-poplu inġenerali.”
Roderick Bonnici – Aġent Kap Eżekuttiv, BCA
Dan is-servizz se jiġi mniedi ftit tal-jiem wara li tħabbret ukoll il-helpline 138 għal kull min ikollu diffikultà jew jixtieq jirrapporta kull xorta ta’ abbuż u tħassib dwar siti ta’ kostruzzjoni.
Il-helpline qed titħaddem 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, u l-istess BCA.