Issa tista’ tirkeb fuq Tal-Linja u tħallas b’contactless Visa mingħajr l-uġigħ ta’ ras li jkollok il-flus kontanti fuqek jew tistenna lix-xufier itik il-bqija.
Ħabbar dan il-Ministru Ian Borg f’konferenza tal-Gvern flimkien ma’ Transport Malta u l-Malta Public Transport hekk kif nieda dan il-mod ġdid ta’ ħlas fuq il-vetturi ta’ Tal-Linja.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Joseph Bugeja spjega li dan il-mod ġdid ta’ ħlas mhux se jieħu post l-użu ta’ Tal-Linja Card.
Tenna li dan jista’ jintuża minn min m’għandux it-Tal-Linja Card partikolarment turisti.
Qal, “Il-passiġġier jista’ jkollu kemm Tal-Linja Card li kienet suċċess f’dan il-pajjiż kif nafu għandna fuq 400,000 Tal-Linja Card imma wkoll ħloqna issa sistema fejn il-passiġġier Malti jew it-turist juża’ sempliċiment il-Visa Card tiegħu biex jixtri s-servizz tal-public transport.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg tenna kif dan il-metodu ġdid ta’ ħlas ma jillimitax ruħu biss għal Visa Cards tal-banek li huma contactless iżda wkoll b’aġġeġġi teknoloġiċi bħal-mobiles u anke arloġġi.
Qal, “Il-fatt li issa tista’ tħallas b’diversi modi l-cards tal-banek tiegħek, bil-mobile, bl-arloġġ intelliġenti u mitt ħaġa oħra huwa mod nadif u trasparenti imma fuq kollox effiċjenti li ser tkun għad-dispożizzjoni li dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku propju mil-lum. “
Il-Ministru Borg spjega wkoll kif dan il-metodu ta’ ħlas ma jillimitax ruħu għal bank wieħed partikolari.
Tenna wkoll kif din l-aħħar miżura fil-vetturi ta’ Tal-Linja, tikkumplimenta għadd ta’ faċilitajiet oħra li ddaħħlu riċentament fosthom wifi b’xejn u charging ports.
Temm jaċċenna għall-ħidma tal-Gvern sabiex ikompli jtejjeb it-trasport pubbliku filwaqt li jagħmlu b’xejn għal diversi faxxex tas-soċjeta f’pajjiżna hekk kif spjega li bħalissa hawn madwar disgħin elf persuna li jgawdu minn trasport pubbliku b’xejn.