Delegazzjoni mill-Partit Laburista għamlet żjara f’Magic Castle Child Care Centre fil-Ħamrun. Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni mmexxija mill-President tal-Partit, Alex Sciberras, żaret iċ-ċentru u ltaqgħet mal-management u l-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru.
Il-General Manager Claudia Inguanez spjegat li ċ-ċentru ilu miftuħ 3 snin u jattendu fih mat-22 tifel u tifla li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn ftit xhur sa tliet snin. Qalet li ċ-ċentru jiffoka fuq l-arti, il-mużika, id-drama u l-yoga, kif ukoll juża riżorsi naturali bħal weraq, zkuk, injam u materjali naturali oħra flok plastik fl-attivitajiet li jsiru mat-tfal.
Irrimarkat li f’dan iċ-child care ma jsirx użu ta’ televiżjoni jew tablet u minflok isiru attivitajiet li jippromwovu l-interazzjoni bejn it-tfal. Inguanez faħħret l-inizjattiva taċ-child care b’xejn u sostniet li permezz taċ-child care, it-tfal qed ikunu aktar ippreparati għall-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras sostna li l-investiment li sar minn Gvern Laburista f’dan is-servizz, mhux biss għen sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, imma llum sar parti kruċjali mill-edukazzjoni formattiva tat-tfal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PL, Leonid McKay qal li din hija miżura soċjalista li tassigura lit-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, li f’10 snin gawdew minnu bla ħlas mat-23,000 ġenitur, bil-Gvern investa mal-€245 miljun.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll id-deputati Laburisti, Katya DeGiovanni u Romilda Zarb.