Irridu nkunu aktar proattivi għall-ġid tas-sidien tan-negozji żgħar u għall-klijenti tagħhom. Hekk stqarr il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, meta kien qed jindirizza konferenza bit-tema “Coordinating Inspections – Moving Forward Together”.
Hawn spjega li, filwaqt li l-ewwel parti tar-riforma tal-ispezzjonijiet tal-ħwienet kienet ħaffet il-piż burokratiku, issa permezz tal-ħiliet tal-ispetturi tas-Servizz Pubbliku jingħata sens usa’ lill-ispezzjonjiet.
Il-konferenza, li fiha taw il-kontribut it-tmexxija tal-amministrazzjoni pubblika u kapijiet ta’ spettorati varji, għarblet il-proċessi ta’ kif isiru l-ispezzjonijiet fil-ħwienet u x’jista’ jsir biex, waqt li l-proċess jissimplifika, jibqa’ dejjem effettiv.
Mill-konferenza ħareġ li ħafna min-nuqqasijiet li jinstabu ma jkunux hemm bi traskuraġni jew għax is-sidien ma jkunux iridu jsolvuhom. B’hekk intqal li l-ispettorati, m’għandhomx ikunu biss dawk li jikkastigaw, imma li jgħinu u jwasslu lis-sidien iż-żgħar għas-suċċess.
Numru ta’ kelliema enfasizzaw il-bżonn ta’ aktar ħidma konġunta bejn l-ispettorati kollha varji biex jintlaħaq l-għan aħħari li finalment ikun iċ-ċittadin li jgawdi.
Ix-xogħol ta’ kordinament isir mid-Direttorat tal-Ispettorat u l-Implimentazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li joħroġ ċertifikat ta’ compliance lill-ħwienet li jkollhom kollox kif suppost.
Hawn, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana spjega li se jiġi implimentat titjib ieħor, inkluż self-assessments u aktar proċessi diġitali.
Sultana qal li dan hu pass ieħor biex titkompla r-riforma li kienet saret fejn spezzjonijet għand tal-ħwienet ġiet implimentata fi proċess wieħed, minflok bħal qabel fejn kienu jsiru minn kull spettorat.
Hu fakkar ukoll fil-kisbiet importanti li saru f’dan il-qasam fl-aħħar snin, inkluż meta tneħħiet id-duplikazzjoni ta’ spettorati li wassal biex bħala medja dak li kien isir f’seba’ spezzjonijiet, issa jsir kollu f’wieħed.
B’hekk issa, bit-titjib addizzjonali li se jseħħ, se jkompli jonqos ħafna skariġġ lis-sidien tan-negozji.