Is-servizzi pubbliċi online ta’ pajjiżna reġgħu ġew l-ewwel minn fost 36 pajjiż.
Fi stqarrija, l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li s-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Montenegro, is-Serbja, I-Iżvizzera, it-Turkija u r-Renju Unit.
Ġie spjegat kif Malta kklassifikat fl-ewwel post fil-kriterji kollha li fuqhom huwa bbażat dan l-eżerċizzju msejjaħ e-government benchmarking li jsir kull sena mill-Kummissjoni Ewropea.
Is-Servizz Pubbliku online ġie fl-ewwel post fil-kwalità tad-disinn u tas-servizz fih innifsu u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti li jiġu bżonnu.
Is-servizzi online Maltin ġabu 99% tal-punti li huwa 12.5 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea
Is-servizz pubbliku ġie l-ewwel ukoll minn fost is-36 pajjiż fit-trasparenza addottata fis-servizzi mogħtija.
Hawnhekk, Malta hija 33 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea bi 98% tal-punti.
Malta kklassifikat ukoll l-ewwel bi 36 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea għall-aċċessibbiltà tas-servizzi online anki meta ċittadini jkunu ’l bogħod minn pajjiżhom b’87% tal-punti u wkoll 89% tal-punti fejn tidħol aċċessibbiltà lil hinn minn Malta għan-negozji.
Is-Servizz Pubbliku ġab il-100% tal-punti fejn jidħlu l-elementi tekniċi li huma meqjusa importanti għat-twassil tas-servizzi governattivi online.
Dan il-persentaġġ jimmarka 39 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
B’rabta ma’ dawn ir-riżultati sbieħ, il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar saħaq li l-fatt li pajjiżna jiġi l-ewwel fost bost pajjiżi diġà hija kbira imma ikbar hi li żżomm postok meta hemm pajjiżi oħra ġganti fit-teknoloġija bħall-Estonja u l-Awstrija.
Is-Sur Cutajar irringrazzja b’mod partikolari lit-timijiet tekniċi li hemm fil-Ministeri, lill-MITA u lil dawk kollha li kellhom sehem fl-iżvilupp u fl-investiment fit-teknoloġija bla preċedent li sar matul dawn l-aħħar snin biex intlaħqu livelli ġodda fis-Servizz Pubbliku.
Intant, fi tweet, il-Prim Ministru Malti Robert Abela laqa’ dan ir-riżultat fejn stqarr li huma dawn l-istess kapaċitajiet li ser iservu ta’ pedament sod biex neqilbu fuq ekonomija diġitali.
Yet again the #Maltese #public #service’s #egovernment capabilities have been ranked in the top spot by the @EU_Commission, laying the foundations for our #transformation into a #digital #economy. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 24, 2020