Is-Servizz Pubbliku Malti ġie ċċertifikat l-ewwel fl-Ewropa fuq servizzi ta’ eGovernment.
Malta kisbet l-ewwel post b’riżultat ta’ 96%, segwita mill-Estonja b’90% u mil-Lussemburgu b’87%.
Dan ħareġ mir-rapport ‘eGovernment Benchmark Reports 2022’ maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, li fih janalizza servizzi governattivi onlajn ta’ 35 pajjiż Ewropew.
Is-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post ta’ dan l-istudju wara li ġie l-ewwel fil-kriterji kollha ta’ dan l-eżerċizzju. Ir-riżultat ta’ pajjiżna kien 28% ogħla mill-medja tal-pajjiżi l-oħra.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Malti Tony Sultana qal li dan hu ċertifikat ieħor tal-livelli għolja tas-servizzi pubbliċi f’pajjiżna.
Huwa sostna wkoll kif dan ma kienx ikun possibbli mingħajr id-dedikazzjoni tal-uffiċjal pubbliku, u l-investiment li sar u li se jibqa’ jsir biex is-Servizz Pubbliku Malti jkollu dejjem l-aqwa għodda u ħiliet diġitali fi ħdanu.
Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela wkoll immarka dan ir-riżultat importanti fuq il-profil uffiċjali tiegħu fuq Twitter.
#Malta’s 🇲🇹 Public Service once again certified as the #European🇪🇺 leader in #eGovernment. Top spot achieved among 35 countries with 96% score in the eGovernment Benchmark exercise by @EU_Commission. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) July 29, 2022
L-Unjoni Ewropea twettaq dan l-istudju kull sena biex tiddetermina kemm l-amministrazzjonijiet pubbliċi joffru s-servizzi tagħhom b’mod effettiv bl-użu ta’ għodod diġitali moderni. L-eżerċizzju jevalwa t-twassil ta’ servizzi ta’ eGovernment f’35 pajjiż madwar l-Ewropa: is-27 stat membru tal-UE u l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Isvizzera, l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija.