Is-Servizz Pubblika ħabbar li, minn nhar it-Tnejn, se jissaħħu b’mod strutturat il-prattiki tar-reduced hours, il-flexitime, il-flexi-week, u r-remote working.
Dan tħabbar mill-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ uffiċjali fit-tmexxija u mal-unions.
Is-sistema tar-reduced hours ġiet emendata għal aktar flessibbiltà, b’tali mod li uffiċjali pubbliċi jistgħu japplikaw biex jaħdmu sigħat imnaqqsa, mingħajr ħtieġa ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà, fejn ix-xogħol u l-prijoritajiet jippermettu.
Barra minn hekk, se tiddaħħal il-prattika tal-flexitime, li permezz tagħha uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jirranġaw il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom sa sagħtejn qabel jew wara l-ħinijiet stabbiliti.
Is-Servizz Pubbliku se jadotta wkoll il-kunċett tal-flexi-week. Permezz tiegħu, uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jqassmu l-40 siegħa ta’ xogħol fuq erba’ jew sitt ijiem fil-ġimgħa.
Ir-remote working qed jiġi strutturat b’mod li uffiċjali pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn kwalunkwe sigħat ta’ xogħol remot fuq kriterji family-friendly. Dan se jassorbi l-arranġamenti eżistenti tat-telework. Jista’ jintalab li sa 20 fil-mija tas-sigħat tax-xogħol jinħadmu b’mod remot mingħajr il-ħtieġa ta’ eleġibbiltà.
Dan it-tibdil jidħol fis-seħħ mit-Tnejn li ġej, b’perjodu ta’ tranżizzjoni sal-15 ta’ Ġunju. Din hi l-ewwel fażi tal-proċess ta’ modernizzar tas-Servizz Pubbliku.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li, b’dan it-tibdil, is-Servizz Pubbliku qed jagħti lill-uffiċjal pubbliku aktar flessibbiltà b’inqas burokrazija, b’mod responsabbli, strutturat, u effiċjenti. B’hekk isir impjegatur aktar eżemplari, bl-aktar prattiki relevanti li jwasslu għal bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol f’pajjiżna.