“Is-Servizz Pubbliku jew l-amministrazzjoni pubblika hija l-qalb soċjali u l-mutur ekonomiku tal-Gvern.”
Dan kien kliem is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana waqt intervent matul il-programm ta’ Andrew Azzopardi s-Sibt filgħodu fuq ir-radju tal-Knisja, l-RTK.
Hawnhekk Sultana elenka kif aktar minn 90% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali, seħħu.
“L-Awditur Ġenerali jagħmel rapport ta’ x’sab u ma sabx, fl-aħħar tas-sena joħroġ l-elementi li, jagħmel ukoll il-best practices, għax xi kultant inħarsu lejn il-ħażin biss, imma jagħmel ukoll best practice. Mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jkun hemm madwar 150, 200 fis-sena, is-sena li għaddiet, wettaqna minnhom dawn ’il fuq minn disgħin fil-mija.”
Aktar minn hekk, qal li l-istituzzjonijiet għandna nħalluhom jaħdmu.
“Hemm l-institutions, ejja nħalluhom jaħdmu”
Matul il-programm, Sultana fakkar ukoll fl-akbar ftehim kollettiv li sar fl-istorja għas-Settur Pubbliku, fejn permezz tiegħu, aktar minn 33,000 ħaddiem u l-familji tagħhom se jkunu qed jibbenefikaw minnu.
“Il-fatti taf x’inhuma, xahar ilu għamilna l-ikbar collective agreement li qatt sar fis-Servizz Pubbliku fl-istorja kollha.”
Sadanittant, b’rabta mar-riforma li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela għall-ħaddiema taċ-ċivil, Tony Sultana qal li jaqbel bis-sħiħ mar-riforma li se tara ħaddiema taċ-Ċivil u tal-entitajiet tal-Gvern jiġu protetti bis-saħħa ta’ liġi milli jiġu mfittxija personalment waqt li jkunu qed iwettqu ħidmiethom għal pajjiżna.
“Kull meta kellna xi issue, qatt ma kellna issue ma’ persuna, li nfittxu persuna ta’ dik il-kumpanija, dejjem fittixna lill-kumpanija u l-argument kien mal-kumpanija; u meta l-Prim Ministru semma biex dawn il-persuni li rridu niddefenduhom, mhux talli naqbel miegħu, talli qed nagħmel minn kollox biex dik il-kopertura ssir kemm jista’ jkun malajr.”
B’rabta ma’ dan il-Prim Ministru kien qal;
“Lill-ħaddiema kollha taċ-Ċivil u tal-entitajiet tal-Gvern, se ntuhom protezzjoni bis-saħħa ta’ liġi milli jiġu mfittxija personalment waqt li jkunu qed iwettqu ħidmiethom għall-pajjiżna. Ħaddiehor jipprova jitterrorizzakom għax hekk biss jafu – aħna nipproteġukom ghax nemmnu fikom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem l-intervent tiegħu, irrimarka li madwar tnax-il sena ilu, l-ammont ta’ ħaddiema mal-Gvern fl-amministrazzjoni pubblika kien ogħla minn dak preżenti llum, u saħaq li l-upskilling għandu jkun essenzjali sabiex il-ħiliet fl-irwoli fis-Servizz Pubbliku jkompli dejjem jitjieb.
“Tnax-il sena ilu, għaxar snin ilu, sebgħa u għoxrin minn kull mitt persuna li taħdem fil-pajjiż, sebgħa u għoxrin, kienet taħdem mal-Gvern fl-amministrazzjoni pubblika. Sa Diċembru li għadda, tmintax minn mija. It-trend tar-ratio qed jonqos, però dak ma jfissirx li n-numru ta’ ħaddiema naqas.”