Lejliet il-jum Internazzjonali tas-Servizz Pubbliku, il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mas-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar u 20 Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeri.
Matul din iċ-ċerimonja ġie rikonoxxut ix-xogħol kbir li sar mis-Servizz Pubbliku li kien protagonist fil-ġlieda kontra l-imxija.
Il-President Vella faħħar il-mod kif is-servizz pubbliku wera li kien magħqud u kulħadd ġibed ħabel wieħed. Fuq kollox, il-President Vella ddikjara li kien hemm element qawwi ta’ flessibbiltà li wasslet biex f’baħar imqalleb, il-vapur ma nkaljax iżda baqa’ għaddej.
Huwa spjega: “Kien hemm koordinazzjoni kbira bejn id-dipartimenti kollha tal-Gvern u anke tirringrazzjahom lilhom biex iwasslu l-irringrazzjamenti f’isem il-poplu Malti lil ħaddiema kollha taċ-ċivil.”
Is-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar saħaq li matul dawn it-tliet xhur is-Servizz Pubbliku kien il-mutur ewlieni fis-soċjetà.
Il-Kap taċ-Ċivil tkellem ukoll dwar l-identità ġdida li s-Servizz Pubbliku qed jikseb hekk kif issa se jimxu mar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Gvern u li ġew milqugħa kollha mill-Kummissjoni Venezja.
Is-Sur Cutajar stqarr: “Il-mod kif qed jikseb identità ġdida u bi tibdil li ser ikunu wara l-proposti tal-Gvern Malti lil Kummisjoni Venezja. Għandek il-qabża kbira li għamilna mil-2012 sa llum fejn jidħlu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-servizz publiku fejn għandek 45%, kważi nofs tal-pożizzjonijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet huma nisa.”