85 fil-mija tal-ilmenti li s-Servizz Pubbliku rċieva mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2021, ġew ikkunsidrati magħluqa b’suċċess mill-Ombudsman jew mill-kummissarji fi ħdanu sal-aħħar ta’ Ottubru 2022.
Din hija l-ogħla rata ta’ każijiet magħluqa minn din l-istituzzjoni minn mindu s-Servizz Pubbliku ilu jħaddem dan l-eżerċizzju fl-aħħar snin.
Il-bqija tal-każijiet kienu pendenti għand l-Ombudsman, għand il-ministeri, jew riferuti lill-Prim Ministru.
Dan ħareġ minn pubblikazzjoni ġdida li nieda s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana. Ir-rapport ippubblikat illum jagħti rendikont ta’ kull każ, b’dettalji dwar x’azzjonijiet ittieħdu.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dan kollu jixhed l-impenn tas-Servizz Pubbliku biex, filwaqt li jkompli jimmodernizza l-istrutturi u l-proċeduri tiegħu, iżomm l-ogħla livell ta’ governanza u responsabbiltà mistennija minnu.