Is-Servizz Pubbliku implimenta aktar minn 85 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Din ir-rata ta’ implimentazzjoni hi ogħla mill-medja tal-aħħar seba’ snin.
Dan tħabbar mill-Kap taċ-Ċivil, Tony Sultana, waqt li laqgħa li kellu mal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-ħidma ta’ din is-sena tindika wkoll żieda ta’ 450 azzjoni fuq iċ-ċifri tas-sena li għaddiet. Dan ikompli jsaħħaħ is-sens ta’ responsabbiltà u t-twettiq fil-prattika.
Intant, waqt l-istess laqgħa, tnediet il-pubblikazzjoni ‘Governance Action’, li tkopri r-risposta tal-amministrazzjoni pubblika għar-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2020 u rapporti oħra li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ħareġ fl-2021.