Erba’ sindki minn tlett ibliet tal-Kottonera u l-Belt Valletta qasmu r-reazzjoni pożittiva tagħhom ma’ ONE News wara li, fl-aħħar jiem, daħlet fis-seħħ il-miżura li tapplika għal dawk in-nies kollha li għandhom Tallinja Card u għalhekk is-servizz tal-ferry bejn il-Kottonera, il-Belt u Tas-Sliema issa hu bla ħlas.
B’sentiment wieħed, kollha tennew il-benefiċċji varji li din il-miżura se jkollha fuq il-lokalità rispettiva tagħhom. Fost dawn kien hemm is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, li qal li fi ftit ħin tista’ tasal il-Belt u minbarra hekk, jibqagħlek il-flus fil-but.
“Inizjattiva tajba minn dan il-Gvern, li bdiet taħdem il-ferry b’xejn. Nemmen li issa kulħadd ħa jibqagħlu iżjed flus fil-but biex b’hekk tkompli ddur ir-rota tal-ekonomija f’dan il-pajjiż. Inħeġġeġ lil kulħadd biex juża din il-ferry biex jitnaqqas it-traffiku mit-toroq u fi tmien minuti tasal il-Belt.”
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, tenna li inizjattiva bħal din se tgħin anke lill-ħaddiema li ma jkollhomx bżonn jaqilgħu l-karozza u jmorru għax-xogħol bil-kwiet.
“Naħseb din inizjattiva li minnha se jibbenefika kulħadd, speċjalment dawk li jaqsmu l-fliegu biex imorru l-Belt għax-xogħol. B’din l-inizjattiva aktar se nħajru nies biex ma jużawx il-karozza tagħhom u għalhekk irridu naħsbu forsi aktar ’il quddiem u jkun proġett komplut u tajjeb għal kulħadd, għall-parkeġġ adekwat.”
Min-naħa tiegħu, Alfred Zammit, is-Sindku tal-Belt kapitali, irrimarka li, filwaqt li għandna t-trasport pubbliku b’xejn fuq l-art, issa l-Gvern qed juża l-baħar bħala trasport alternattiv li għandna nagħmlu użu minnu wkoll.
“Jiena nappella lill-pubbliku inġenerali jieħu din l-okkażjoni speċjali fil-ħajja tiegħu li tah il-Gvern. Infakkar li l-Gvern wettaq ukoll miżura importanti ħafna li tajna trasport pubbliku wkoll kollu b’xejn. Mela għandek it-trasport fuq l-art u t-trasport bil-baħar, issa hu b’xejn u ejjew nużawh u nagħtu wkoll vantaġġ lill-ambjent.”
Is-sena l-oħra, bis-servizz tal-ferry ivvjaġġaw fuqu aktar minn miljun u mitejn elf passiġġier. Dan ikkummenta dwaru s-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, li qal li jinsab ħerqan biex jara l-frott ta’ din il-miżura wkoll fis-sajf fejn il-lokalità tal-Isla jżuruha ħafna turisti.
“Kien servizz tajjeb li qed jintuża minn ammont sostanzjali ta’ nies fosthom it-turisti mill-Belt għall-Kottonera. Hu xi ħaġa tajba wkoll għaż-żminijet tas-sajf li, bħal-lokalità tal-Isla, għandna ħafna restoranti u kummerċ u jkun qed jgħin lilhom ukoll.”
Ara wkoll: