Permezz tal-Continuous Glucose Monitoring, tista’ ssegwi awtomatikament il-livelli taz-zokkor fid-demm matul il-ġurnata u bil-lejl, u tista tirrevedi kif dan il-livell inbidel tul is-sigħat u l-jiem. Issa, is-servizz b’xejn tal-Continuous Glucose Monitoring se jiġi estiż għal persuni sa 23 sena li huma bid-Dijabete tat-Tip 1. Dan ħabbru fi żjara fid-Dipartiment tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-proġett bla ħlas beda bħala proġett pilota madwar sena u nofs ilu, fejn it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ taħt is-16-il sena ġew offruti sistema tal-Continuous Glucose Monitoring biex iħarsu l-livell taz-zokkor fid-demm b’mod kontinwu, u huma, flimkien mal-ġenituri tagħhom, jiġu infurmati jekk ikun hemm xi problema fiz-zokkor.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-ewwel riżultati juru li s-sistema hija suċċess, mhux biss għax tnaqqas l-inkonvenjent u tagħti serħan il-moħħ, imma wkoll għax ir-riżultati tad-demm qed juru li r-rati ta’ kumplikazzjonijiet f’dawn it-tfal ħa tkun qed tonqos b’madwar 80%.
Matul is-sena li għaddiet kompliet tiżdied l-età ta’ nies eliġibbli għal din is-sistema bla ħlas, sa 21 sena, u issa din ġiet estiża għal sentejn oħra sa 23 sena. Fix-xhur li ġejjin din l-iskema se tkompli tiġi estiża biex eventwalment, il-pazjenti kollha bid-dijabete tat-Tip 1 ikunu koperti u jgawdu minn din is-sistema bla ħlas.
Id-dijabete toħroġ l-aktar lill-anzjani, iżda dawk li jkollhom id-dijabete tat-Tip 1 tista’ taqbadhom minn meta jkunu żgħar, tant li hemm anki tfal bid-dijabete. Iżjed ma taqbdek id-dijabete żgħir, iktar importanti li l-livell taz-zokkor fid-demm jinżamm taħt kontroll għax inkella jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet serji matul is-snin.