Servizzi sigrieta, avventura, u komplott minn għaqda biex jaħkmu l-kontroll tal-poplu diniji.
Dan huwa dak li wieħed jista’ jistenna mit-tielet staġun tas-serje ta’ Alex Rider u li issa huwa disponibbli għall-pubbliku fuq il-pjattaforma Amazon Freevee.
Madankollu dak li għandu partikolari dan l-istaġun ta’ din is-serje popolari adattata mill-kotba ferm popolari ta’ Anthony Horowitz huwa li dan propju jibda f’pajjiżna.
Hekk kif il-protagonist Alex Rider, flimkien ma’ sħabu jżur pajjiżna biex jikseb aktar informazzjoni dwar il-passat tiegħu b’tentattiv li jiskopri min huwa l-missier bijoloġiku tiegħu.
Fil-fatt, hekk kif partijiet sinifikanti minn dan l-istaġun tas-serje ġew miġbuda f’pajjiżna, jiddominaw fost oħrajn ix-xeni tal-Port il-Kbir. Xeni li jiġbdu tant l-għajn li ntużaw f’ħemel ta’ produzzjonijiet oħrajn miġbuda f’pajjiżna fosthom ‘Murder on the Orient Express.’
Fil-fatt, hekk kif Malta qed tkun esposta għal dik li hi u s-sbuħija li toffri anke f’dan is-serje ta’ Alex Rider, fuq il-profil tagħha fuq LinkedIn, il-Kummissjoni Maltija tal-Films fakkret kif din il-produzzjoni qed tgawdi minn inċentivi tal-cash rebate.
Fi studju indipendenti kien ħareġ kif għal kull €1 ewro li nħarġet bħala parti mill-iskema tal-cash rebate, immirata biex tattira produzzjonijiet tal-films f’pajjiżna, il-kontribuzzjoni lura fl-ekonomija ta’ pajjiżna fl-2022 kienet ta’ €3 ewro.
Fil-fatt, skond din l-analiżi li saret, fl-2022 24 produzzjoni kkontribwixxew b’kollox aktar minn €93 miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
Min-naħa l-oħra ġew investiti ftit aktar minn €31 miljun ewro fl-iskema tal-cash rebate biex b’hekk dawn il-produzzjonijiet ikunu jistgħu jiġu attirati lejn pajjiżna.
Apparti minn hekk fl-2022, inħolqu 1,772 impjieg fl-industrija tal-films.