It-tkabbir tal-Unjoni huwa ta’ importanza għall-Presidenza Maltija, għax jippromwovi l-istabilità, il-prosperità u riformi demokratiċi. Elementi li eventwalment jistgħu jerġgħu ikebbsu l-fiduċha fil-proġett Ewropew.
Stqarr dan id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li fi Brussell mexxa d-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Konferenza Ministerjali dwar l-Aċċess tas-Serbja fl-Unjoni Ewropea. Rwol li Grech qed jaqdi f’isem il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Grech tenna li s-Serbja, flimkien mal-pajjiżi oħra fil-Balkani, għandha rwol importanti fil-paċi u s-sigurtà fir-reġjun. Għalhekk, b’din il-konferenza l-Unjoni qed tirrikonoxxi l-impenn tas-Serbja għal riforma, partikolarment fl-istat tad-dritt, id-drittijiet taċ-ċittadini, l-amministrazzjoni pubblika, u l-governanza ekonomika.
Fil-fatt Grech innota kif minn ħamsa u tletin kapitlu ta’ negozjar, tmienja infetħu, u tnejn minnhom ingħalqu b’mod proviżorju.