Ġie irrevokat il-ħelsien mill-arrest għas-Serb, Srdan Simic, li ta daqqa ta’ tazza lill-barman Malti wara li ddaħal lura l-Qorti b’urġenza llum. Dan iffiser Il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Edwina Grima laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali. Fl-appell tiegħu, l-Avukat Ġenerali qajjem numru ta’ oġġezzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest, fosthom li l-akkużat jista’ jbabas l-evidenza.
Fl-appell intqal ukoll li l-kundizzjonijiet mogħtija mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona ma kinux ħorox biżejjed. Minkejja li l-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest, xorta waħda il-Pulizija sabu diffikultà biex jarrestawh dalgħodu hekk kif ma bediex jiftaħ il-bieb tar-residenza tiegħu.
Għalhekk, fil-Qorti ntqal li sa mill-bidu ta’ dan il-każ l-akkużat naqas milli jwieġeb għas-sejħiet mill-awtoritajiet. Kien għalhekk li l-Imħallef irrevokat il-ħelsien mill-arrest għaliex fi kliemha hemm raġunijiet biżejjed biex l-akkużat jinżamm arrestat. L-Imħallef spjegat li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri għax ħadd għadu ma xehed f’dan l-istadju u l-akkużat ma offriex garanzija lill-Qorti li se jidher tul il-proċeduri kontrih.
Kien tard ilbieraħ filgħaxija l-Avukat Ġenerali daħħal rikors il-Qorti biex din tisma’ mill-iktar fis it-talba tiegħu biex ikun revokat il-ħelsien mill-arrest li ngħata s-Serb li faqa’ tazza f’wiċċ żagħżugħ f’Buġibba u l-Qorti laqgħet dan ir-rikors.
Dan wara li d-deċiżjoni tal-Maġistrat Micallef Trigona li jagħti l-ħelsien mill-arrest waslet għar-reazzjoni mmedjata tal-prosekuzzjoni li skont tagħrif li għandna mill-ewwel talbet li jsir l-appell. Minn naħa tiegħu l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali daħħal ir-rikors ilbieraħ wara l-għaxra ta’ bil-lejl.
F’dan il-każ il-Qorti ddeċidiet li tagħti lis-Serb il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 minkejja l-oġġezzjonijiet tal-prosekuzzjoni.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkuża li fera gravi lil Ryan Magro. Liema każ seħħ bejn is-Sibt u l-Ħadd meta allegatament ta daqqa ta’ tazza tal-ħġieġ lil Ryan Magro.
Fl-ewwel smigħ, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest abbażi li l-akkużat biddel id-dehra tiegħu u prova jaħrab lill-Pulizija, iżda l-Maġistrat Micallef Trigona laqa’ t-talba tal-avukat difensur u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt numru ta’ kundizzjonijiet.
Intant, il-vittma ta’ dan l-allegat attakk, Ryan Magro għadu qed jingħata l-kura għall-ġrieħi serji li ġarrab.
Aqra aktar: AĠĠORNAT: IR-RIKORS TAL-AĠ SAR B’URĠENZA, IL-QORTI TISMA L-KAŻ ILLUM