Il-partitarju Serb li ġie arrestat wara li daħħal materjal illegali fl-istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, tressaq il-Qortin fejn ċaħad li tefa’ flare fil-grawnd waqt il-partita ta’ bejn Partizan u Ħamrun, li ntlagħbet ilbieraħ.
L-Ispetturi Sarah Zerafa u Matthew Attard ressqu lil Damir Andrijevic, ta’ 34 sena, residenti San Ġiljan, quddiem il-maġistrat Noel Bartolo aktar kmieni waranofsinhar.
Il-pulizija ddeċidiet li l-akkużat kien aħjar li jiġi arrestat wara l-logħba. Meta resqu lejh l-uffiċjali, huwa ħarab u l-Pulizija kellha tiġri warajh qabel ittieħed taħt arrest. Mistoqsi x’se jkun qed iwieġeb għall-akkużi, l-akkużat, li kien assistit minn żewġ interpreti, wieġeb li hu ħati.
L-Avukat Leontine Calleja talbet lill-Qorti tagħti l-libertà proviżorja lill-akkużat. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, għar-raġuni li m’għandux rabtiet ma’ Malta. Huwa wasal Malta f’Mejju u baqa’ fil-pajjiż minkejja li qabeż il-viża bi tliet xhur.
Andrijevic ma kien ippreżenta l-ebda dokumenti ta’ identifikazzjoni uffiċjali lill-pulizija, u sostna li tilifhom.
Il-Qorti, wara li semgħet l-argumenti u l-fatti tal-każ, ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja tar-raġel, u qalet li ma kinitx sodisfatta li kien affidabbli biżżejjed u minħabba r-riskju li jbagħbas l-evidenza.